Owen Bonnici ( Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali )
Żieda ta’ 150% fuq l-ammont allokat lill-arti u kultura meta komparat mal-aħħar baġit ta’ Gvern Nazzjonalista u żieda ta’ 7.53% fuq il-baġit tas-sena li għaddiet. It-tema tal-Baġit hija riflessjoni tal-ħidma tal-Gvern tul l-aħħar xhur u snin fejn għalkemm ġejna iffaċċjati b’realtajiet li jġibu magħhom numru ta’ sfidi ekonomiċi, konna Gvern li permezz tal-bżulija u l-għaqal, stajna niġu quddiem il-poplu bi pjan sosstenibbli għal Malta u Għawdex li ser jwassalna għal aktar ċertezza u stabbilita’.
Fil-passat mhux tant il-bogħod kienet tkun prassi li kemm il-darba pajjiż jew ekonomija tkun qiegħda tifaċċja sfidi minħabba reċessjonijiet jew kriżijiet ekonomiċi, is-settur tal-arti u l-kultura l-ewwel li jiġi affetwat. Imma għaliex nemmnu fis-settur kulturali ta’ pajjiżna u għaliex kburin u nagħrfu l-valur intrinsiku tal-wirt storiku u l-potenzjal li għandna lkoll flimkien qed nerġgħu ninivestu aktar riżorsi f’dak li jagħmilna li aħna bħala poplu Malti u Għawdxi.
Baġit 2023 li permezz tiegħu ser nkunu qed ninjettaw aktar minn €60 miljun ewro fis-settur kulturali f’fondi rikorrenti biss - għax hemm ukoll iktar minn €21 miljun oħra f’fondi kapitali. Baġit iffukatat sabiex ntejbu il-wirt kulturali ta pajjiżna, u nagħtu lura lill-poplu tagħna aktar spazji pubbliċi u esperjenzi li jkomplu jsawru l-identità tagħna bħala poplu. Tul l-aħħar snin rajna investiment pożittiv, rajna perjodu fejn il-Gvern investa f’dan is-settur tant importanti għat-tisħiħ tas-soċjeta’ tagħna anki waqt l-għeqqel ta’ l-imxija tal-Covid Dsatax.
Kien Gvern Laburista li għaraf li jkompli jinvesti sabiex l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna jiġi mħares għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna wara snin ta’ telqa, filwaqt li l-kultura u l-industrija tal-kreattività kompliet tiżviluppa sabiex b’hekk tkompla jitkattar l-ġid, filwaqt li li nż-żgħażagħ u l-artisti tagħna komplew jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Jekk allura naraw kemm hin-nefqa rikorrenti ma’ dik kapitali għall-arti u l-kultura għas-sena d-dieħla rridu nżidu iktar minn €21 miljun oħra għal ammont totali ta’ kważi €85 miljun, żieda ta’ 150% fuq l-ammont allokat lill-arti u kultura fl-aħħar baġit ta’ Gvern Nazzjonalista u żieda ta’ 7.53% fuq il-baġit tas-sena li għaddiet.
Aħna nemmnu li s-setturi tal-arti u l-kultura huma parti integrali min-nisġa tas-soċjetà tagħna, hekk kif issa qed nerġgħu nibnu u nsostnu lil dawn is-setturi vitali. Irridu nkomplu ninvestu fihom, għaliex dawn jagħtu kontribut siewi lill-ħajja u l-għajxien ta’ kuljum tan-nies, madwar Malta u Għawdex, u nemmnu li dawn jikkontribwixxu bil-bosta għall-qawmien mill-ġdid ta’ ekonomija vibranti u sostenibbli. Meta tkun qed tinvesti fl-arti u l-kultura tkun qed tinvesti fir-ruħ ta’ poplu.
U qegħdin inħarsu għall-quddiem ukoll. Waħda minn dawn il-miżuri propju titratta l-preparamenti għall-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura 2031, fejn se niggwidaw u naraw li jinħoloq programm artistiku prolifiku li jkun imżewwaq b’elementi tradizzjonali, kontemporanji u innovattivi li jiġġenera opportunitajiet kbar għall-artisti lokali f’destinazzjoni Maltija li tiġi deċiża mhux minna l-Maltin, imma fil-livell Ewropew b’mod kompetittiv. Iva minn issa qed naħsbu għall-2031.
Se nkunu wkoll qegħdin inżidu r-rifużjoni tat-taxxa fuq il-kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet privati lis-settur kulturali minn 150% għal 200%. Apparti minn hekk, se nkunu wkoll qegħdin inniedu fond ta’ €750,000 li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jinħatru rappreżentanti kulturali internazzjonali, biex ngħinu l-artisti jesportaw l-arti tagħhom barra minn xtutna.
Se nsaħħu l-fondi strutturati sabiex ngħinu aktar kantanti u gruppi mużikali lokali jirrekordjaw il-mużika tagħhom. B’hekk niżguraw li aktar kantanti Maltin jingħataw opportunitajiet biex anki huma jibnu l-karrieri mużikali tagħhom b’mod professjonali u bl-ogħla livell u nkomplu nirrikonoxxu s-sehem tal-volontarjat fis-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet tal-nar u tal-armar fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jwettqu iktar u iktar proġetti li minnhom igawdi kuħadd.
Sabiex inkomplu nsaħħu u nrawmu l-ġenerazzjonijiet futuri tagħna, se nieħdu ħsieb li nwessgħu l-inizjattiva tal-Culture Pass, sabiex iż-żgħażagħ kollha taħt il-25 sena jibbenefikaw minn skont fuq il-prezz tad-dħul ghal avvenimenti kulturali, fost benefiċċji oħra.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, Malta se tieħu sehem fil-London Design Biennale biex isservi ta’ vetrina għas-settur u l-qasam artistiku u kreattiv ta’ pajjiżna. Din l-inizjattiva għandha sservi wkoll sabiex inkomplu ntejbu l-profil internazzjonali ta’ disinjaturi Maltin. Sadattant, il-ħidma għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezia għall-edizzjoni li jmiss tal-2024 se tibqa’ ghaddejja.
Aħna Gvern li ma waqafniex naħdmu fl-interess tal-arti, tal-kultura u tal-protezzjoni tal-wirt nazzjonali tagħna. Jien ninsab kunfidenti li ser nagħtu futur u nħallu kundizzjonijiet li jixirqu lil min jaħdem u jħaddem f’dan is-settur.
Ninsab kunfidenti li l-miżuri u l-inizjattivi mħabbra ftit tal-jiem ilu se jippermettu lil dawn is-setturi jkomplu jirkupraw mit-taqlib ekonomiku li ġabu magħhom il-pandemija u l-kriżijiet internazzjonali u b’hekk jikbru u jiżviluppaw permezz ta’ dan il-Baġit li qed jitressaq quddiemkom.
Bħal ma irnexxielna ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, tal-artisti u tal-kreattivi tagħna tul is-snin, għandna pjan li bih ser inkomplu nsostnu dak li nemmnu fih.
Aħna Gvern li rridu li lil uliedna nħallulhom pajjiz aħjar milli sibna. Irridu li lil uliedna nagħtuhom kull ċans u opportunità li jesprimu ruħhom u jkunu kreattivi. Irridu lil uliedna japprezzaw l-istorja li sawwret lil dan il-pajjiz. Dan il-Gvern qed jinvesti r-riżorsi u l-ħidma tiegħu għad-disposizzjoni ta’ dawn is-setturi sabiex nilħqu l-miri li ħejjejna.
コメント