top of page

Aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali miġbura fl-2018



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li s-sena l-oħra biss, id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni neħħiet aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart mormi b’mod illegali. Dan qalu waqt żjara fil-parti magħrufa bħala Tal-Papa f’Birżebbuġa, fejn qiegħed isir xogħol estensiv mid-diviżjoni. Huwa rrefera għall-importanza tax-xogħol li tagħmel id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u qal li, “din id-diviżjoni tagħmel l-almu tagħha kuljum biex tiżgura li pajjiżna jinżamm nadif u miżmum sew, u aħna mpenjati biex inkomplu ntejbu l-lokalitajiet tagħna għall-ġid tal-komunità. Permezz ta’ dan kollu, qegħdin niżguraw spazji aktar nodfa u siguri għall-familji tagħna, biex jitgawdew u jiġu apprezzati”.

Dan il-lokal fin-nofsinhar ta’ Malta huwa wieħed mill-ħafna lokalitajiet li qegħdin jitnaddfu minn din id-diviżjoni.


Diġà nġabru iktar minn 128 tunnellata ta’ skart minn din il-parti ta’ Birżebbuġa. L-iskart kien jinkludi, fost l-oħrajn, terrapin, kartun u skart ta’ kostruzzjoni. Għaxar ħaddiema kienu stazzjonati għal erbat ijiem esklussivament fuq dan is-sit biex ix-xogħol isir fl-iqsar ħin possibli. Fost diversi makkinarji użati nsibu l-użu ta’ gafef u tliet trakkijiet.


Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar indafa f’pajjiżna, għaliex l-indafa tolqot lil kull wieħed u waħda minna b’diversi modi, kemm mill-aspett ta’ saħħa, mill-aspett estetiku ta’ pajjizna, kif ukoll l-ekonomija tal-pajjiż li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu. Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista rringrazzja lill-ħaddiema nvoluti għax-xogħol siewi li qed isir lejl u nhar mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni taħt it-tmexxija ta’ Ramon Deguara. Huwa kkonkluda billi ħeġġeġ lill-pubbliku Malti u Għawdxi sabiex nosservaw il-liġi u nibżgħu għal din il-ġawhra li għandna billi naħdmu għal indafa pubblika iktar b’saħħita.


Sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni ġabret ‘il fuq minn 4,500 tunnellata ta’ skart illegali. Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni Ramon Deguara spjega kif din id-diviżjoni hija kommessa li tkompli toffri dan ix-xogħol f’aktar lokalitajiet li qegħdin isofru minn abbuż ta’ rimi ta’ skart illegali. Huwa tkellem ukoll dwar il-bżonn li dan ix-xogħol jimxi id f’id ma’ aktar infurzar. Din id-diviżjoni qiegħda fi qbil mal-LESA biex jiġu nfurzati, u għalhekk imnaqqsa dawn l-illegalitajiet f’diversi postijiet madwar Malta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li din l-inizjattiva tkompli turi biċ-ċar li l-Uffiċjali tal-Komunità, li fl-ewwel ta’ Mejju li għadda ġew trasferiti mal-aġenzija governattiva LESA, qegħdin ikunu aktar viċin il-bżonnijiet tal-komunità u issa l-infurzar lokali ma baqax biss limitat għall-kontravenzjonjiet tat-traffiku iżda qed jimraħ f’oqsma importanti oħra bħal dak ambjentali. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-investiment li qed isir fl-operat tal-LESA se jwassal għal investiment fiċ-ċittadini tagħna għaliex issa bdew jingħataw servizz aħjar.


Min jiltaqa’ mal-bżonn li jirraporta każi ta’ skart jista’ jcempel fuq 1718 jew juża il-mobile app ‘Clean and Upkeep’.



Comments


bottom of page