Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nedew fi Brussell l-akbar esebizzjoni ta’ presepji Maltin illi qatt ġiet organizzata barra minn xtutna.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici spjega kif aktar minn 25 presepju mill-isbaħ fosthom żewġ presepji ta’ daqs kbir illi jirrappreżentaw xeni minn irħula u bliet Maltin, qed jitgawdew minn eluf ta’ persuni li jżuru l-Parlament Ewropew f’dawn il-ġranet.
“Dan huwa wirt li writnieh minn missirijietna, frott ġenerazzjonijiet sħaħ, u kommessi li nkomplu nippromwovu din l-espressjoni kulturali tant sabiħa mhux biss fi xtutna imma anke barra minn xtutna,” sostna l-Ministru Bonnici.
Huwa żied jgħid li l-fatt li l-wirja qed tittella’ fil-Parlament Ewropew, u għalhekk f’waħda mill-iktar istituzzjonijiet sinifikanti fl-isfera Ewropea u lil hinn, hija ta’ prestiġju kbir għal numru kbir ta’ voluntiera li jaħdmu b’tant passjoni.
“Bl-għajnuna tal-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba issa dawn l-aspetti sbieħ tal-kultura Maltija qed jiġu apprezzati wkoll minn kull min jaqdi d-doveri tiegħu fi ħdan dan il-Parlament,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qal li jinsab kburi li “Illum, ħolma illi ilna naħdmu fuqha xhur sħaħ qed issir realtà hekk kif qed intellgħu l-akbar esebizzjoni ta’ presepji Maltin illi qatt ġiet organizzata barra minn xtutna.”
“Fil-ħidma tiegħi dejjem pruvajt nesponi t-talent, il-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin fil-Parlament Ewropew. Is-sena li għaddiet bl-esebizzjoni dwar il-festa Maltija u din is-sena permezz ta’ din il-wirja,” kompla jgħid Agius Saliba.
Huwa temm jgħid li din l-esebizzjoni hija waħda speċjali għaliex f’kull presepju ppreżentat qed naraw rappreżentati diversi bliet u rħula Maltin u Għawdxin.
Din l-esebizzjoni qed tittella’ mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Din il-wirja se tkun qed tittella’ fil-Parlament Ewropew fi Brussell matul din il-ġimgħa.
Comments