Il-gvern huwa kommess li Malta, inkluż iż-żoni turistiċi, ikunu fl-aħjar stat ta’ ndafa u manutenzjoni f’kull ħin possibbli, u għalhekk matul dawn l-aħħar jiem komplew jinbidlu numru ta’ kontenituri tal-iskart fil-qalba ta’ Buġibba.
It-tindif tal-alka mill-bajjiet u l-irranġar tar-ramel minn taħt il-pjazza ta’ Buġibba qed issir għar-raba’ darba din is-sena, minħabba skart u materjal ieħor li nġabar anki minħabba l-elementi tan-natura.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem dwar l-importanza tax-xogħol li jagħmlu l-impjegati fi ħdan id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni, li jaħdmu sfiq biex jiżguraw li pajjiżna għandu spazji aktar nodfa u siguri għall-benefiċċju tal-pubbliku. Huwa għamel referenza wkoll għall-investiment fil-makkinarju li għamlet id-diviżjoni biex tkun tista’ timplimenta x-xogħol kwotidjan tagħha b’mod suffiċjenti u sostenibbli. Il-Ministru Bonnici semma wkoll li biex inkomplu nżidu l-għarfien ħalli nżommu pajjiżna nadif, id-diviżjoni reċentement waħħlet madwar 300 kontenitur tal-iskart f’partijiet differenti tal-pajjiż, u se tkompli tagħmel dan minħabba l-bżonn u d-domanda biex dawn ikunu disponibbli.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif fil-ġranet li ġejjin se jibda xogħol ta’ tindif iktar frekwenti, biex iż-żona tidher isbaħ u aħjar. Huwa qal li se jinbeda l-proċess ta’ ħasil ta’ promenades f’din il-lokalità kif ukoll fiż-żoni turistiċi kollha. Dan ix-xogħol isir matul il-lejl permezz ta’ vettura li tiġbor l-iskart, bowser tal-ilma biex jinħasel il-pavimentar u l-għamara tat-triq, kif ukoll erba’ ħaddiema li jwettqu dan ix-xogħol manwalment. Dan il-proċess jiġi jiswa lill-gvern ċentrali madwar €150,000 għal perjodu ta’ tliet xhur. Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista stqarr li minkejja l-problemi ta’ ndafa li hawn f’din il-lokalità, il-Gvern se jkompli jagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex mal-kunsill il-ġdid li se jiġi elett fil-ġranet li ġejjin, jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet biex jitjiebu l-kundizzjonijiet f’din il-lokalità.
Min jiltaqa’ mal-bżonn li jirrapporta każi ta’ skart illegali jista’ jċempel fuq 1718 jew juża il-mobile app ‘Clean and Upkeep’.
Comments