top of page

Aħna n-Nies



"Aħna n-nies" hija l-ewwel frażi li tiltaqa' magħha hekk kif tibda taqra l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti ta' l-Amerika. Din hi Kostituzzjoni differenti minn Kostituzzjonijiet oħrajn għaliex l-imħuħ warajha kienu ddeċidew li jwelldu xi ħaġa ġdida u differenti mill-mudell "klassiku" biex ngħidulu hekk ta' Westminster.

Il-ħolma Amerikana hi ħolma ta' poplu ġdid, f'art ġdida u allura li riedu jużaw dak iż-żmien mudell ġdid ta' kif ifasslu l-Kostituzzjoni tagħhom.

Il-kunċett li dan hu dokument li ġej min-nies hu kunċett sabiħ immens. U dan hu l-mod kif jien inħobb inħares lejn il-politika fejn in-nies jibagħtu lil uħud minnhom biex jirrapprezentawhom, jitkellmu għalihom u jieħdu d-deċiżjonijiet għan-nom tagħhom fid-diversi fora.

Jien eżempju klassiku u ċar ta' dan li qed ngħid. Twelidt u trabbejt fin-nies u l-aqwa kwalifika l-għandi hi li jien wieħed minn dawk li bagħtuni nirrappreżentahom fil-Kamra tad-Deputati.

Jien assolutament ma naqbilx ma min irid ipenġi l-idea li aħna n-nies m'aħniex kapaċi nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna u mmexxu lilna nfusna. Bħallikieku biex nimxu 'l quddiem bhala pajjiż aħna għandna bżonn nitmexxew minn klikka ta' teknokratiċi u burokrati għax aħna n-nies ma aħniex kapaċi. Assolutament ma naqbilx.

Anzi, fil-ħajja politika tiegħi sibt ruħi ħafna drabi nikkumbatti pariri ta' teknokratiċi li jkunu sbieħ ħafna fuq il-karta imma li jkunu fallimentari għaliex jinsew kompletament in-nies. Il-populiżmu mhux tajjeb, imma t-teknokratiżmu hu ħażin ukoll. L-aħjar triq hi dik tar-realpolitik, politika tajba ibbażata f'doża kbira ta' realiżmu.

+++

Huwa kruċjali ħafna li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u josserva dak li qed jgħidu l-awtoritajiet tas-saħħa biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż.

Jien nemmen li l-Prim Ministru Robert Abela mexxa bl-aħjar mod f’ċirkostanzi difficli immens ta’ pandemija dinjija. Kull ma trid tagħmel hu li tqabbel dak li għamilna Malta ma’ dak li qed isir fil-bqija tal-Ewropa u d-dinja. Il-Prim Ministru Abela ħa ħsieb is-saħħa tan-nies imma anke l-għixien tan-nies.

Ħa ħsieb is-saħħa tan-nies għax ra li f’pajjiżna s-saħħa tkun fuq quddiem hekk kif tfaċċat il-pandemija. Ħa ħsieb l-għixien tan-nies għax wieżen il-postijiet tax-xogħol ta’ ħafna u ħafna nies.

Hu importanti li ma ndawrux l-issue tal-pandemija f’ballun politiku. Il-poplu assolutament dan ma jridux u nappella għall-maturità politika. Minflok ejja nappellaw biex nobdu l-gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika sabiex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem.

Jien nemmen li aħna għandna l-kredenzjali kollha biex lil pajjiżna, hekk kif tgħaddi l-pandemija, ma nġibuhx “sempliċiment” għal kif konna qabel dħalna fil-pandemija, imma nġibuh verżjoni aħjar. U hu għalhekk li qed nagħmlu l-ko-ordinazzjoni tal-istrateġija għal wara l-covid-19 sabiex inkunu nistgħu nagħmlu lil pajjiżna aħjar u iktar reżiljenti f’dinja mibdula.

++++

Jien bniedem li meta kont żgħir kont ażmatiku ħafna. Niftakar lil missieri jqajjimni f’nofs ta’ lejl, jeħodni Raħal Ġdid, ilibbsuli maskla u nieu n-nifs miċ-ċilindri. Meta kont fil-break tal-iskola niġri ġirja mal-bqija tat-tfal sħabi kont naqta’ nifsi u nilheġ b’mod li nwerwer lil sħabi u lill-għalliema.

Dan affettwani ħafna. Missieri kien jippriedkali ħafna biex nitgħallem nieħu l-inhalers. Kien ikolli tnejn, wieħed blue u wieħed kannella u kont inġorrhom miegħi kullimkien. Il-blue kellu togħma ħażina ħafna imma kien jgħinni mmens meta kont naqta’ nifsi. Il-kannella kien jgħinni biex nipprevjeni milli naqta’ nifsi.

Għalhekk nitlobkom ma tlumunix meta ngħid li noħlom li xi darba ngħixu f’Malta li fl-arja ma nwaddbux il-karbonju l-ħin kollu. L-exhaust li nwaddbu fl-arja mill-karozzi u ċ-ċmieni industrijali li jwaddbu l-karbonju huma affarijiet li nixxennaq ħafna li għada pitgħada ma narawhomx iktar.

Diġà kien pass importanti ħafna li mill-HFO qlibna għall-gas u żmantellajna l-power station tal-Marsa li niftakarha timla kullimkien bit-trab iswed is-south tal-pajjiż partikolarment il-Fgura. Issa rridu nkunu ambizzjuzi u nitkellmu fuq kif innaqqsu kemm jista’ jkun il-karbonju li nipproduċu u nissostitwuh b’affarijiet innovattivi u nodfa, bħalma hi l-enerġija li ġejja min-natura.


Comentarios


bottom of page