top of page

Beda x-xogħol ta’ restawr estensiv fuq is-sur u l-bieb ta' Santa Liena fis-swar ta’ Santa Margerita




Beda x-xogħol ta’ restawr estensiv fuq is-sur u l-bieb ta' Santa Liena fis-swar ta’ Santa Margerita f’Bormla, b’investiment ta’ €1M



Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali qed jagħmel xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ħitan tas-sur li jinsab bejn il-bastjun ta’ San Ġwann t’Għuxa u dak ta’ Santa Liena sabiex tiġi salvagwardjata din il-parti importanti tal-wirt tanġibbli tagħna. Dan qed isir b’investiment ta’ €1,000,000.


Dawn ix-xogħlijiet, li huma parti mill-programm ta’ xogħlijiet imwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, għandhom jitlestew is-sena d-dieħla.


Fi żjara fuq il-post, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li, “Huwa tassew notevoli li naraw l-isforzi kbar ta’ restawr li qed isiru fuq il-bastjun ta’ San Ġwann t’Għuxa u dak ta’ Santa Liena b’investiment ta’ miljun ewro li jkopri 275 metru ta’ swar u l-bieb. Dan juri biċ-ċar l-impenn li nissalvagwardjaw din il-parti imprezzabbli tal-wirt tanġibbli tagħna.”


Il-Ministru Bonnici kompla jenfasizza l-prijoritizzazzjoni tal-gvern li jippreserva l-wirt tanġibbli, inkluż fil-Kottonera. “Dan il-proġett jirrifletti d-dedikazzjoni biex tiġi żgurata l-protezzjoni u l-konservazzjoni fit-tul ta’ dan is-sit storiku, li se jitgawda kemm mill-ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll dawk futuri, biex jgħożżu u jesploraw l-istorja rikka tiegħu,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Minn naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-ħaddiema li qed iwettqu dan ix-xogħol. “Permezz ta’ restawr fuq postijiet u monumenti storiċi nkunu qed nippreservaw il-wirt kulturali Malti għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt li ngħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħna għar-residenti u t-turisti li jżuru dawn il-lokalitajiet,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.


Il-ħitan tal-fortifikazzjoni nbnew fis-seklu tmintax. Il-Perit Stephen Pulis, li huwa responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet, spjega li l-proġett qed isir f’fażijiet tul il-275 metru ta’ ħitan ta’ fortifikazzjoni u se jinkludi wkoll il-bieb ta’ Santa Liena. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fit-tindif ta’ ġebel li qed ifarfar, preservazzjoni tal-patina oriġinali kull fejn huwa possibbli, tneħħija ta’ tikħil li sar bis-siment, konsolidazzjoni u mili tal-fili. Hemm żoni fejn il-ġebel iddeterjora u se jkollu jiġi sostitwit biex ma ssirx aktar ħsara.


Partijiet min-naħa ta’ fuq tal-fortifikazzjoni kienu ġarrbu ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija u dawn se jinbnew mill-ġdid. Hemm ukoll sezzjonijiet ta’ blat li nqassmu f’waħda mill-faċċati u dawn qed jiġu stabilizzati b’teknika ta’ rock-bolting.


Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.





Comments


bottom of page