top of page

Beda xogħol ta’ restawr fuq it-tieni parti tal-faċċata tas-Sur ta’ San Nikola, li jifforma parti mis-Swar tal-Kottonera



 

Ingħata bidu għax-xogħol ta’ restawr fuq it-tieni parti tal-faċċata tas-Sur ta’ San Nikola, li jifforma parti mis-Swar tal-Kottonera, hekk kif l-ewwel fażi ta’ dan ir-restawr tlestiet ftit xhur ilu.  

 

L-armar diġà ntrama fuq it-tieni parti tal-faċċata tas-sur, inkluż il-parti tas-sur li tinsab fuq il-Mina tal-Polverista, minn fejn tgħaddi t-triq li tgħaqqad lil Bormla mal-Fgura. Ir-restawr fuq l-ewwel nofs tas-sur kien jinvolvi wkoll il-ħitan ta’ wara, fejn wieħed minnhom kien fi stat perikoluż u kellu jiġi żarmat bil-galbu u mibni mill-ġdid, billi ntuża ħafna mill-istess ġebel oriġinali.

 

Ix-xogħlijiet fuq din it-tieni fażi huma mistennija jitlestew sal-aħħar tas-sena u qegħdin isiru b’investiment ta’ €650,000. Permezz ta’ dan il-proġett, se jkunu restawrati aktar minn 4,500 metru kwadru tas-swar.

 

Dan tħabbar waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

 

Il-Ministru Owen Bonnici tkellem dwar dan il-proġett ta’ restawr u qal, “Dan ir-restawr huwa eżempju ċar tal-impenn tagħna lejn il-preservazzjoni tal-wirt storiku tal-pajjiż. Is-swar tal-Kottonera huma parti importanti mill-identità nazzjonali tagħna, u r-restawr tagħhom mhux biss se jsaħħaħ il-valur storiku taż-żona, iżda se jikkontribwixxi wkoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

 

“Ix-xogħol li qed isir fuq is-Sur ta’ San Nikola huwa kruċjali biex inżommu dawn il-postijiet storiċi fi stat tajjeb,” qal Dr Bonnici.

 

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tad-Dipartiment tar-Restawr li qed jaħdmu qatigħ biex jitlesta dan ir-restawr mill-aktar fis.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif il-Kottonera hija mdawra b’fortifikazzjonijiet li huma parti importanti mill-istorja u l-ġrajjiet tal-Kottonera. 

 

“Bħala Gvern kommessi li nkomplu nagħtu vuċi u saħħa lill-Kunsilli Lokali għaliex huma jafu l-aħjar il-lokalitajiet li huma jirrappreżentaw, imma fuq kollox se nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt kulturali Malti ħalli ġenerazzjoni wara oħra jkomplu jgawdu mill-istorja rikka ta’ pajjiżna,” kompliet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

“Infaħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li jagħraf iwassal il-proposti tiegħu biex flimkien nagħmlu lokalitajiet isbaħ u aħjar,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari. 

 

Attwalment, il-ħitan qed jiġu mnaddfa mill-ħmieġ u t-trab akkumulat, filwaqt li l-ġebel li tilef il-forma oriġinali tiegħu jew li jista’ jikkawża problemi strutturali qed jinbidel. Barra minn hekk, fit-twieqi tal-faċċata tas-sur qed jitwaħħlu gradilji tal-ħadid galvanizzat biex jipprevjenu d-dħul tal-ħamiem u l-ħmieġ tagħhom f’dawn l-ispazji.

 

Dan il-proġett qed jitwettaq mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Is-swar tal-Kottonera kienu ddisinjati minn Antonio Maurizio Valperga fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

 

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Bormla Marco Agius u ċ-chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Joe Mizzi.





 

Comments


bottom of page