top of page

Carlo Gavazzi, eżempju ċar ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ċ-ċavetta għat-tkabbir ekonomiku



“Il-kumpanija Carlo Gavazzi hija eżempju ċar u b’saħħtu ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ċ-ċavetta għat-tkabbir ekonomiku” - il-Ministru Owen Bonnici


Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija Wara COVID-19 Owen Bonnici din il-ġimgħa żar il-kumpanija internazzjonali Carlo Gavazzi u segwa l-ħidma tat-taqsima tar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpanija. Din it-taqsima tippromwovi kontinwament soluzzjonijiet teknoloġiċi u innovattivi li jagħmlu differenza għall-aħjar lis-setturi tal-industrija li joperaw fiha.


Il-Ministru Bonnici fiż-żjara tiegħu qal li l-kumpanija Carlo Gavazzi hija eżempju ċar u b’saħħtu ta’ kif ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur privat huma ċ-ċavetta għal iktar kompetittività, ħolqien ta’ impjiegi ġodda u tkabbir ekonomiku. Qal ukoll li din il-kumpanija għandha għal qalbha l-innovazzjoni, tant li t-tim tagħha tar-riċerka u l-iżvilupp jammonta għal 15% tat-total tal-ħaddiema kollha.


Apella wkoll biex iktar tfal u żgħażagħ jinteressaw ruħhom fl-edukazzjoni marbuta mas-suġġetti tax-xjenzi, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u qal li Carlo Gavazzi hija eżempju ċar u bis-sħiħ, ta’ kemm hemm bżonn dawn il-ħiliet fid-dinja tal-lum u ta’ għada. B’hekk, ikollna wkoll minjiera intelliġenti li tista’ sservi ta’ benefiċċju għas-soċjetà kemm lokali, kif ukoll dik internazzjonali; punt li jkompli jagħmilna kburin bir-riżorsi tagħna, li llum iżjed minn qabel, ninnutaw kemm il-poplu huwa riżors uniku għal pajjiżna.


Il-prodotti li joħorġu minn din il-kumpanija huma maħluqa, żviluppati, manifatturati u ttestjati kollha lokalment. Il-kumpanija tikkollabora wkoll mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST għat-taħriġ tal-istaff u tal-apprentistat. Riċentament, ipparteċipat fi programmi offruti minn diversi entitajiet, inkluż il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), bħala għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp tal-prodotti tagħhom.


Il-kumpanija, li twaqqfet Malta fl-1978, hija responsabbli minn Switches, product line portfolio bil-klijenti ewlenin tagħhom huma kumpaniji li jimmanifatturaw prodotti għall-ventilazzjoni, l-arja kkundizzjonata, l-ippakkjar u għall-ikel u x-xorb. It-taqsima tar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpanija twaqqfet fl-1998.


Iż-żjara inkludiet ‘Surface Mount Technology Production Tour’ fejn il-ministru segwa l-linja tal-produzzjoni waqt li kienet qed issir. Il-ministru pparteċipa f’Research and Development Tour (żjara dwar ir-riċerka u l-iżvilupp) li jsir mill-kumpanija stess, flimkien mad-diriġenti tagħha. Jakkumpanjaw il-ministru kien hemm l-Inġinier Noel Micallef, general manager tal-kumpanija u l-Inġinier Roger Galea li hu l-manager tar-riċerka u l-innovazzjoni.


Il-Ministru Bonnici kien infurmat ukoll li l-kumpanija Carlo Gavazzo qiegħda kontinwament timbotta prodotti innovattivi fis-suq biex jgħinu lill-konsumaturi u l-klijenti jtejbu l-proċess tagħhom filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż. Soluzzjoni minnhom hija ‘The NRG digital solid state relay solution’ li tgħin saħansitra biex il-konsumatur jinduna b’difetti qabel attwalment jiġru.


Il-kumpanija Carlo Gavazzi ġiet premjata diversi drabi bi premji tal-innovazzjoni fis-settur tal-innovazzjoni f’Malta. Timpjega mat-80% tagħha, ħaddiema Maltin. Hija kumpanija stabbilita sew u tajjeb li wieħed ifakkar, li l-preżenza tagħhom f’pajjiżna ilha bil-bosta iżjed minn dik f’pajjiżi oħra. Fil-fatt, Malta tinsab fil-quċċata f’dik li hija produzzjoni minn Carlo Gavazzi madwar id-dinja u anke f’dik li hija Riċerka u Żvilupp. Wara, isewgu l-Italja u d-Danimarka fil-kamp rispettiv.


Il-prodotti tal-kumpanija rinomata Carlo Gavazzi jinstabu madwar l-Ewropa kollha, fl-Amerka u fl-Asja fejn huma mwaħħdin permezz ta’ 22 kumpaniji li jbiegħu il-prodott tagħhom u 60 distributur indipendenti.


Fiż-żjara tiegħu, il-Ministru Owen bonnici nnota wkoll ir-rieda tal-ħaddiema biex jitgħallmu u jiskopru iżjed għal aktar preċiżjoni f’xogħlhom. Fis-sit, il-Ministru ingħata spjegazzjoni ta’ bosta apparat li qed jiġi maħluq jew ittestajt fejn spjegawlu l-proċess li jsir sakemm jaslu għall-konklużjonijiet u finalment, l-implitazzjoni tal-esperimenti u l-ħidma li tkun qed issir.



IL-Ministru Owen Bonnici enfasizza kemm ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huma kruċjali biex il-kumpaniji tagħna jkompliu jtejbu l-prodotti tagħhom u jkomplu jkunu kompettitivi, allura joħolqu l-impjiegi u jobs ta' kwalità. ‘Carlo Gavazzi hija waħda mill-kumpaniji rinomati f'pajjiżna li temmen fir-riċerka u l-innovazzjoni, u allura żort din il-kumpanija sabiħa sabiex nifhem aħjar il-ħidma li tagħmel din il-kumpanija u ltqajt mad-dipartiment tar-riċerka u l-iżvilupp li għandha din il-kumpanija mal-persuni li jaħdmu f'dan id-dipartiment u dwar il-prodotti li huma jmexxu 'l quddiem sabiex ikunu dejjem iktar kompettitivi u jattiraw iktar xogħol lejn pajjiżna. Ir-riċerka u l-innovazzjoni hija ċ-ċavetta biex Malta tkompli tirnexxi, mhux biss fil-preżent imma anke fil-futur. Aħna kommessi li nkomplu nibnu eko sistema robusta ta' innovazzjoni.”


Comments


bottom of page