L-Aġenzija Heritage Malta rreġistrat ċifri pożittivi dwar il-konkorrenza tal-viżitaturi f’siti u f’mużewijiet fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2023.
Statistika uffiċjali għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena juru li minn Jannar sa Ġunju, daħlu 631,406 viżitaturi bi ħlas fis-siti u fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta. Dan ifisser żieda ta’ 16,366 persuna fuq iċ-ċifra reġistrata fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2019 – is-sena ta’ qabel bdiet il-pandemija – li kienet 615,040. Iċ-ċifra għall-ewwel sitt xhur tas-sena kurrenti teskludi siti li bħalissa huma magħluqin minħabba xogħol maġġuri ta’ restawr li għaddej fihom u li kienu għadhom miftuħin fl-2019.
Minn Jannar sa Ġunju 2023 kien hemm ukoll 62,856 viżitatur li daħlu fis-siti u fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta mingħajr ħlas, fost oħrajn billi għamlu użu mill-passaport tal-istudenti u dak tal-anzjani.
Meta mqabbel mal-2019, kien hemm ukoll żieda fin-nefqa tal-viżitaturi, ras għal ras, inkluż fil-ħwienet li hemm fis-siti u fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta. Filwaqt li fl-ewwel sitt xhur tal-2019 in-nefqa medja ta’ kull persuna kienet ta’ €4.41, in-nefqa medja żdiedet għal €5.51 fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Id-dħul totali mill-biljetti u mix-xiri mill-ħwienet kien jammonta għal €3,443,275.05 fl-ewwel nofs tal-2019, liema ċifra żdiedet għal €3,504,741.71 minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena. Dan ifisser żieda ta’ €61,466.66.
L-aktar ħames siti li żaruhom nies fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kienu l-Ġgantija, Ħaġar Qim, il-Forti Sant’Iermu, il-Katakombi ta’ San Pawl u l-Imnajdra.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar dawn ir-riżultati pożittivi u qal li dan hu kollu mertu tal-ħidma b’saħħitha li qed issir mit-tmexxija u mill-istaff tal-aġenzija. Huwa qal li bil-ħidma tagħha, Heritage Malta qiegħda mhux biss issaħħaħ il-prodott turistiku imma tissalvagwardja l-istorja rikka ta’ pajjiżna.
Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, esprima sodisfazzjon għal dawn ir-riżultati pożittivi li huma frott l-isforz kollettiv tal-impjegati tal-aġenzija. Huwa qal li dawn ir-riżultati jkomplu jixhdu kif mill-esperjenza tal-pandemija, Heritage Malta ħarġet aktar konxja tar-riżorsi u tar-reżiljenza tagħha nnifisha u qed tkompli taħdem u tħares ’il quddiem b’iżjed ottimiżmu u determinazzjoni minn qatt qabel.
Comments