top of page

Cinema City: Ċinema fil-miftuħ fil-Belt Valletta mingħajr ħlas


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda Cinema City, avveniment ta’ wiri ta’ films mifrux fuq ħamest ijiem fi Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta, mtella’ mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.


Il-Ministru Bonnici qal li, “Dan l-avveniment jibni fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kultura u nibqgħu nagħtu sostenn lill-artisti kif ukoll lill-industrija tal-films. Aħna kommessi li nkomplu ntellgħu aktar attivitajiet kulturali f’pajjiżna.”


Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li l-Aġenzija hi kommessa li tkompli bir-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-Belt Valletta.


“Cinema City tkompli tibni fuq is-suċċess tal-Valletta Green Festival u hija ċelebrazzjoni ta’ wiri ta’ films filmiftuħ inkluż produzzjonijiet Maltin”, spjega s-Sur Micallef.


L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi temi varji fosthom dik ta’ Films Klassiċi Moderni, Lejla ddedikata għallAnimazzjoni, Film Malti, u Lejla għall-Familja. Il-films se jintwerew fid-21:00 kif tindika l-iskeda:


It-Tlieta 24 ta’ Mejju - Little Miss Sunshine (16)

L-Erbgħa 25 ta’ Mejju – Simshar (12A)

Il-Ħamis 26 ta’ Mejju - The Matrix (12A)

Il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju - La Vita e Bella (PG)

Is-Sibt 28 ta’ Mejju - The Iron Giant (U)


Ispirati mill-inizjattiva tal-UE Be SpectACTive, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta stiednet membri taludjenza biex isiru parteċipanti attivi f’dan l-avveniment ta’ wiri tal-films. Il-volontiera ntalbu jaraw numru ta’ films ta’ ġeneri differenti mill-kumdità ta’ darhom stess, li minnhom ġew magħżula l-ħames films li se jintwerew matul dan l-avveniment.


Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, malpreżentazzjoni tal-Karta tal-Identità. Il-postijiet huma limitati u fuq bażi first come first served.


Għal aktar informazzjoni, ibgħat email lill-Aġenzija fuq info@vca.gov.mt jew żur vca.gov.mt.

Comments


bottom of page