top of page

Diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li se jissepara r-rwoli tal-Avukat Ġenerali


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici llum beda t-tieni qari fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi li se jissepara r-rwoli tal-Avukat Ġenerali.


Hu stqarr li dan l-abbozz se jkompli jwettaq ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja billi jipprovdi għal diversi miżuri biex il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali bħala prosekutur pubbliku ewlieni u bħala konsulent legali ewlieni tal-Gvern jiġu separati u mwettqa minn uffiċjali u minn istituzzjonijiet differenti u indipendenti minn xulxin.


“Għal dan l-għan biex jiġu separati l-imsemmija funzjonijiet, se tinħoloq il-kariga ġdida ta’ Avukat tal-Istat li se tkun rikonoxxuta wkoll fil-Kostituzzjoni u li d-detentur tagħha se jkollu kemm jista’ jkun l-istess protezzjoni fil-kariga bħal ma’ jgawdu l-Avukat Ġenerali u l-membri tal-ġudikatura. L-Avukat tal-Istat se jkun il-konsulent ewlieni tal-Gvern f’materja ta’ liġi u ta’ opinjoni legali  u se jkun  espliċitament  obbligat li jaġixxi fl-interess pubbliku u li jissalvagwardja l-legalità tal-aġir tal-Istat,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.


L-Avukat tal-Istat se jwettaq il-funzjonijiet tiegħu permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa b’ liġi, bl-istess mod kif jaqdi l-funzjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali.


Il-Ministru stqarr li l-metodu tal-ħatra tal-Avukat tal-Istat se tkun l-istess bħal dik tal-Avukat Ġenerali però qabel ma jagħmel ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President dwar min għandu jinħatar, il-Prim Ministru se jkun obbligat li jagħti konsiderazzjoni xierqa lir-rakkommandazzjonijiet ta’ Kummissjoni tal-Ħatra li għandha tasal għall-opinjoni tagħha wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. L-istess proċedura se tiġi segwita meta eventwalment jkun hemm vakanza fil-futur fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali.  


Il-ħidma tal-Avukat Generali fil-qasam tal-prosekuzzjoni se tiżdied. L-Avukat Ġenerali se jingħata poteri ġodda biex jesiġi li l-Pulizija tinvestiga ċerti każijiet, biex jitlob informazzjoni lill-Pulizija dwar l-istat ta’ investigazzjonijiet, u biex jesiġi li l-Pulizija toħrog akkużi. L-Avukat Ġenerali se jkollu wkoll is-setgħa, suggett ghal miżuri tranżitorji meħtieġa, li jkun prosekutur fil-qrati kollha dwar kull reat.


Għan ieħor ta’ dan l-abbozz huwa li apparti li jissepara l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jiffaċilita wkoll is-separazzjoni tal-funzjonijiet investigattivi, li ġeneralment jitwettqu mill-Pulizija, iżda f’oqsma partikolari jitwettqu minn aġenziji pubbliċi speċjalizzati oħra, mill-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni. Dan biex tiġi assikurata iżjed l-indipendenza tal-prosekuzzjoni. 

L-iskop hu illi eventwalment kemm jista’ jkun maż-żieda tar-riżorsi l-prosekuzzjonijiet isiru mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali iżda f’dan il-qasam huwa previst illi jrid ikun hemm miżuri tranżitorji xierqa u kollaborazzjoni sħiħa mal-unità ta’ prosekuzzjoni tal-Pulizija li qiegħda tiġi ffurmata u li għandu jkollha rwol importanti fit-tisħiħ tas-servizz tal-prosekuzzjoni. 

L-abbozz qiegħed jipproponi wkoll tibdil konsegwenzjali f’liġijiet oħra, inkluża l-Kostituzzjoni, biex jagħti bażi leġali xierqa u jiffaċilita t-transizzjoni ta’ dawk il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali li se jgħaddu għand l-Avukat tal-Istat.


Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi qal li l-abbozz jipprovdi wkoll għall-possibilità ta’ miżuri tranżitorji bl-għan illi t-tibdil isir b’mod ordnat u kemm jista’ jkun ma jikkaġunax diżgwit fl-oqsma  tal-prosekuzzjoni u tas-servizz leġali tal-Gvern li huma essenzjali għall-governanza u għall-ordni pubbliku u għar-rispett tal-istat tad-dritt inġenerali.

Comments


bottom of page