top of page

Donazzjoni ta’ 800 ktieb lil Malta Libraries immirati l-aktar għall-qarrejja ċkejknin Ukreni




Il-kumpanija speċjalizzata fl-Informatika EPAM Systems, b’kollaborazzjoni mal-Konsulat tal-Ukrajna f’Malta, taw donazzjoni ta’ 800 ktieb bil-lingwa Ukrena lil Malta Libraries bil-għan li dawn ikunu jistgħu jitgawdew minn qarrejja ċkejknin u ta’ etajiet differenti Ukreni.


Min-naħa tagħha Malta Libraries ipproċessat u ikkatalogat dawn il-kotba mil-librara tagħha u ser tara li dawn jitqassmu fil-Libreriji Ċentrali ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll f’dawk Reġjonali tal-Mosta u ta’ Birkirkara fejn ser jiġu maħluqa sezzjonijiet dedikati għal-lingwa Ukrena speċifikament.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li minn mindu bdiet il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, miljuni ta’ Ukreni ġew sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerra u ħallew warajhom dak kollu li kien għal qalbhom. Huwa qal li iktar minn 1,000 ċittadin Ukren waslu Malta, fil-maġġor parti tagħhom nisa u tfal.


Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li bis-saħħa ta’ din l-inizzjattiva maħsuba l-aktar għat-tfal Ukreni, qed jintbagħat sinjal b’saħħtu ħafna ta’ solidarjetà u appoġġ.


Min-naħa tagħha, Erika Quinn għan-nom ta’ EPAM System Malta sostniet li wara li l-kumpanija ddiskutiet fit-tul dwar x’tista’ tagħmel biex tkun ta’ sapport għal dawk li qed jibdew jibnu ħajja ġdida hawn Malta, ħadu d-deċiżjoni li jagħtu dawn il-kotba sabiex jgħinu lit-tfal isostnu l-konnessjoni ma’ art twelidhom.


Għall-attività kien hemm preżenti wkoll Cheryl Falzon, Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries li faħħret din l-inizjattiva u esprimiet l-appoġġ tagħha għal dan il-ġest sabiħ.











Comments


bottom of page