Wara li disa’ xhur ilu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbru l-ftuħ ta’ edizzjoni oħra tal-kompetizzjoni Arti fi Spazji Pubbliċi, illum ġew esibiti s-sitt proġetti li rebħu l-kompetizzjoni għal din is-sena.
Din il-kompetizzjoni għandha l-għan li tpoġġi installazzjonijiet artistiċi f’komunitajiet speċifiċi, bil-ħsieb li ssaħħaħ is-sens ta’ identità ta’ dawk il-komunitajiet filwaqt li tippromwovi l-interazzjoni tal-komunità mal-arti, b’finanzjament mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali sa massimu ta’ €30,000 għal kull proġett.
Din is-sena, is-sitt rebbieħa kienu l-proġett Olive Twist tal-artist Rune Bo Jakobsen li se jsir ġewwa ż-Żejtun, il-proġett Passage of Time tal-artist Stephen Saliba li se jsir f’Pembroke, il-proġett Flimkien/Integrazzjoni tal-artist Mario Sammut li se jsir f’Marsaskala, il-proġett Pin ta’ Forward Architects li se jsir f’Ħal Qormi, il-proġett Humanity in Glory tal-artist Sonny Gatt li se jsir fin-Naxxar u l-proġett The Wave of Life tal-artist Charles Zammit li se jsir f’Ħad-Dingli.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal, “Nemmnu li l-poplu għatxan għal spazji pubbliċi ta’ kwalità għolja. Għalhekk il-gvern qiegħed jaħdem kemm biex inwasslu dawn l-ispazji msebbħa lill-poplu kif ukoll sabiex naraw li l-arti f’pajjiżna jkollha post ċentrali.”
Huwa tenna li l-ħidma trid tkompli għaddejja kemm permezz ta’ diversi inizjattivi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll permezz ta’ fondi għall-kunsilli lokali bħalma hemm fid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li faħħar il-ħidma li qiegħda ssir mill-gvern fis-settur kulturali.
Il-Ministru Borg fakkar li l-edizzjoni l-oħra tal-kompetizzjoni wasslet għal sitt proġetti differenti, erbgħa f’Malta fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala, Ħad-Dingli, is-Siġġiewi u Bormla, bl-aħħar tnejn li għadhom qed jiġu implimentati, u tnejn f’Għawdex fil-lokalitajiet tax-Xagħra u Għajnsielem.
“Illum erġajna qed naraw sitt proġetti oħra li se jkunu qed isebbħu varjetà ta’ spazji pubbliċi b’elementi ta’ interazzjoni bejn l-artisti, il-kunsilli lokali u l-komunità. Irridu nkomplu nagħtu pjattaformi lill-artisti biex jikkomunikaw il-viżjoni tagħhom mal-pubbliku filwaqt li se nkomplu nwasslu aktar spazji miftuħa ta’ kwalità lill-poplu Malti u Għawdxi,” għalaq il-Ministru Ian Borg filwaqt li rringrazzja lill-artisti kollha, kemm dawk rebbieħa kif ukoll dawk kollha li ipparteċipaw.
“L-iskema ta’ Art in Public Spaces qiegħda tipprovdi lill-artisti lokali bi pjattaforma biex jesponu x-xogħlijiet tagħhom b’mod li dawn jikkultivaw il-viżjoni tagħhom u jaqsmuha mal-bqija tas-soċjetà minħabba li dawn ix-xogħlijiet tal-arti pubbliċi se jkunu qegħdin f’postijiet strateġiċi biex kulħadd japprezzahom u jgawdihom,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt it-tħabbir ta’ dawn is-sitt proġetti li se jkunu f’lokalitajiet varji f’pajjiżna.
“Bħala gvern, aħna rridu li nkomplu nsaħħu l-ekoloġija kulturali ta’ pajjiżna, u permezz tan-numru kbir ta’ inizjattivi li għandna f’dan is-settur qegħdin nassiguraw li nressqu l-arti u l-kultura aktar viċin il-komunitajiet tagħna. Grazzi għal dawn il-proġetti qegħdin ukoll insaħħu l-legat u l-marka kulturali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri,” kkonkluda l-Ministru Owen Bonnici.
Comments