Notte Bianca jirritorna fil-Belt Valletta fil-5 ta’ Ottubru mis-19:00 ‘il quddiem, b’viżjoni ġdida li għandha l-passjoni għall-arti fil-qalba tagħha.
Din is-sena, il-festival popolari ngħata wiċċ ġdid minn Festivals Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, b’identità friska u slogan ġdid: ‘Fejn l-arti tagħti ħajja lill-belt’.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għat-tnedija u għamel referenza għall-antiċipazzjoni annwali li jġib miegħu l-festival tan-Notte Bianca. “B’aktar minn 50 spettaklu, in-Notte Bianca huwa l-ikbar u l-uniku festival ta’ dan it-tip f’Malta, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 200 artist lokali u internazzjonali. Lejla spettakolari li tkun possibbli grazzi għal tim dedikat ta’ aktar minn 100 ruħ li jaħdmu qatigħ biex jiżguraw li l-festival ikun ta’ success”, qal il-Ministru Owen Bonnici. Hu aċċenna għall-fatt li din se tkun l-ewwel darba li l-Qorti ta’ Malta se tkun miftuħa għall-pubbliku b’mod uniku u kkonkluda billi għamel referenza wkoll għall-investiment dirett kontinwu fis-settur kulturali, li qiegħed ikompli jivżiluppa din il-pjattaforma b’mod li ssir aktar aċċessibbli għall-artisti u s-soċjetà tagħna.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit kien preżenti, u tkellem dwar l-importanza li jiġu promossi avvenimenti ta' dan il-kalibru fil-belt kapitali tagħna.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Norman Hamilton qal li “huwa pjaċir u unur tiegħi li qed insellmillkom għall-ewwel darba bħala ċ-Chairman tal-Aġenzija ġdida Festivals Malta li hija responsabbli minn 8 festivals differenti li huma mifruxa madwar Malta u Għawdex. Nirringrazzja lill-Ministru Bonnici li għoġbu jafdali din il-ħatra u fil-ġejjieni nittama li nkun f’pożizzjoni li nħabbrilkom anke festivals oħra ġodda taħt din il-kappa kulturali ta' Festivals Malta.”
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tkellem dwar il-kollaborazzjoni li l-aġenzija għandha ma’ Festivals Malta fuq in-Notte Bianca u kemm dan il-festival huwa importanti għall-Belt Valletta. Hu qal li “f’dan il-lejl speċjali, il-Belt Valletta tittrasforma ruħha f’palk li jilqa’ rappreżentazzjonijiet u arti ta’ kull tip. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena tan-Notte Bianca, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tikkollabora ma’ Festivals Malta sabiex ittella’ ‘Orkestra fil-Miftuħ’, vjaġġ mużikali fi Pjazza Teatru Rjal, bil-parteċipazzjoni tal-Malta Youth Orchestra, it-tenur Cliff Zammit Stevens, il-mezzo sopran Clare Ghigo u l-kantanta Jasmine Abela. Permezz ta’ kollaborazzjonijiet ta’ din ix-xorta ma’ organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi, l-aġenzjia tiżgura li l-arti u l-kultura jkunu aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li nkomplu nagħtu ħajja ġdida lill-belt kapitali tagħna”.
Annabelle Stivala, id-Direttriċi ta’ Festivals Malta spjegat li “n-Notte Bianca huwa festival uniku li kiber b’mod sostanzjali tul is-snin. Din is-sena ħassejna l-bżonn li nevolvu l-brand biex nippreżentaw immaġni li tassew tirrifletti d-dehra l-ġdida fejn jidħol dan l-avveniment li jkompli jagħti l-ħajja lill-belt. Din is-sena nvestejna wkoll fi strateġija ġdida għall-viżitaturi biex ngħinu lin-nies jippjanaw iż-żjara tagħhom bil-quddiem sabiex niżguraw li dawk li jattendu jkollhom l-aħjar esperjenza possibbli tal-akbar avveniment tal-arti u l-kultura fi gżiritna”.
Festivals Malta, nediet il-programm ta’ avvenimenti ta’ Notte Bianca tal-2019, li jinkludi firxa wiesgħa ta’ rappreżentazzjonijiet li jappellaw għall-viżitaturi mżewqa ta’ Notte Bianca.
Il-programm tal-2019 jinkludi programm mużikali live bl-isem ta’ ‘il-lejla, llejla!’ fuq il-palk prinċipali ġewwa Pjazza San Ġorġ, bil-parteċipazzjoni ta’ artisti bħal Owen Luellen, Sterjotipi, Skald, Vinyl Paradise, JJoy u d-DJ internazzjonali Christina Novelli; programm ta’ mużika klassika ġewwa l-MUŻA; kunċert bl-orgni mill-organista tal-Vatikan, il-Maestro Libertucci fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann; proġetti taż-żfin b’tema soċjali fil-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq; ‘it-Tfajla li Stunat’ – musical komiku ġewwa l-Qorti ta’ Malta u ħafna iktar.
Il-produzzjonijiet kollha ta’ din is-sena ġew kreati u żviluppati esklussivament għan-Notte Bianca flimkien mad-direttur artistiku l-ġdid, Antoine Farrugia.
Antoine Farrugia spjega li “n-Notte Bianca hija esperjenza unika li tgħaqqad il-komunità, l-artisti u l-udjenza. Il-viżjoni tagħna hi li b’passjoni kbira nipproduċu spettaklu diversifikat, lussuż u ta’ kwalità għolja fejn il-ġeneri kollha tal-arti jiltaqgħu flimkien.”
Il-viżitaturi li se jattendu n-Notte Bianca din is-sena se jkunu jistgħu jippjanaw il-ħarġa tagħhom minn qabel, permezz ta’ strateġija ġdida għall-viżitaturi. Il-programm ġie maqsum f’7 rotot biex l-esperjenza tan-Notte Bianca tiġi ffaċilitata. Dawn huma r-rotta l-Ħamra (li tikkonsisti minn spettakli għall-adulti), Installazzjonijiet, Żfin, Teatru, Tfal, Klassiku (mużika klassika) u Mużika.
Festivals Malta nediet ukoll mappa interattiva fuq is-sit elettroniku tagħha fejn wieħed jista’ jsib spjega tar-rotot u fiex jikkonsistu, il-proġetti li jaqgħu taħt l-istess rotot u anke l-postijiet fejn dawn il-proġetti se jkunu qed jittellgħu.
Żur www.festivals.mt għal aktar informazzjoni.
Comments