top of page

Festivals Malta jniedi is-seba’ edizzjoni tat-Three Palaces Festival


Festivals Malta li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, għadha kif nediet is-seba’ edizzjoni tat-Three Palaces Festival f’Palazzo Parisio n-Naxxar, li se jkun wieħed mill-postijiet prestiġġjużi li se jkunu parti mill-festival ta’ din is-sena. Din is-sena ġġib magħha frażi ġdida – nirrealizzaw li l-ordinarju tagħna huwa fil-verità straordinarju – tema li tifforma parti sew mill-programm tal-avvenimenti.


Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr fuq l-importanza ta’ avveniment bħal dan il-festival, minħabba li “mhux biss iservi bħala pjattaforma għall-artisti lokali biex juru t-talent tagħhom, imma wkoll joffri mod uniku biex tesperjenza l-mużika u l-arti f’binjiet mill-isbaħ li jġorru magħhom snin ta’ storja.” Il-Ministru Bonnici ddeskriva din l-amalgamazzjoni bħala mod mill-aqwa biex inqarrbu aspetti kulturali differenti flimkien, u nnota wkoll l-fatt li dan il-festival ikompli jgħin biex il-kultura u l-arti tkun aktar aċċessibbli grazzi għall-postijiet differenti li fih se jittella’.


Il-festival li se jittella’ bejn l-1 u l-10 ta’ Novembru, se jkollu l-parteċipazzjoni ta’ artisti b’talent mill-aqwa kemm lokali u kif ukoll lil hinn minn xtutna. Fost l-oħrajn hemm l-Orfeo Experience, li qed tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fil-Każin Malti – esperjenza ta’ opra parteċipatorja bis-sehem ta’ William Purefoy bħala Orfeo, La Conversione di un Cavallo. Il-Ludovica Rambelli Teatro se jtellgħu Tableaux Vivants da Caravaggio, avveniment uniku li se jagħti l-ħajja lill-pitturi ta’ Caravaggio, u kunċert tal-pjanu minn Angela Hewitt, pjanista klassika magħrufa għall-interpretazzjonijiet ta’ Bach, li se tagħti programm mill-aqwa bix-xogħlijiet ta’ Beethoven u Bach, fil-Gran Salon fil-Mużew tal-Arkeoloġija. 


Id-Direttur ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat kif, “it-Three Palaces Festival huwa ċelebrazzjoni prestiġġjuża ta’ mużika u wirt kulturali fejn l-eċċellenza tal-mużika hija mqabbla biss mal-oriġinalità tal-lok fejn dan qiegħed jittella’.”


Fl-ewwel sena tagħha bħala d-Direttur Artistiku ta’ dan il-festival, Michelle Castelletti tippreżenta program ta’ eċċellenza artistika ddisinjat biex jistimula u jqanqal fil-komunità l-viżjoni tagħha. Viżjoni li għandha tiġi tradotta f’portafoll interdixxiplinarju ta’ mużka u spettaklu artistiku viżiv f’postijiet ta’ sinjifikat storiku fil-Belt Valletta u lil hinn minnha. “Sekli ilu, dawn il-binjiet saru mill-Ordni ta’ San Ġwann, u llum, ikomplu jġibu n-nies flimkien b’mod mill-isbaħ permezz tal-mużika,” qalet id-Direttur Artistiku.


Fl-għeluq tad-diskors tagħha, hija avżat li l-biljetti huma għall-bejgħ mill-Erbgħa minn fuq www.kultura.mt u li l-programm kollu tal-avvenimenti jinsab fuq is-sit ta’ Festivals Malta: www.festivals.mt/thethreepalaces



Kommentarer


bottom of page