top of page

FESTIVALS MALTA JNIEDI L-FESTIVALS TAS-SAJF GĦALL-2022



Festivals Malta nieda l-programm kulturali tiegħu għall-kalendarju tas-Sajf li jinkludi il-festivals RITMU, li kien magħruf bħala Għanafest, il-Malta International Arts Festival, il-Malta Jazz Festival, u l-Malta Dance Festival, li ġie varat reċentement.


Din l-aħbar ġiet wara edizzjoni oħra ta’ suċċess tal-festival Mużika Mużika li seħħ il-ġimgħa li għaddiet, issa li l-aġenzija qiegħeda tiffoka fuq l-avvenimenti tas-sajf li ser isiru bejn Ġunju u Lulju.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici qal: ”Kulħadd għandu rwol kruċjali fil-ħarsien u l-iżvilupp tal-kultura nazzjonali u fil-protezzjoni tal-wirt kulturali. L-attivitajiet li hawn mniżżlin f’dan il-programm huma prova ċara ta’ dan.”

“L-għan ewlieni jibqa’ biex inrawmu fil-ħajja tan-nies il-kuxjenza u l-apprezzament għall-identità u l-kultura Maltija u li tħaddan il-valuri, ” sostna Dr Bonnici. “Mhux biss dan il-programm fih varjetà, iżda ħa jara is-sehem ta’ artisti internazzjonali kif ukoll xelta ta’ avvenimenti, fejn in-nies se jkunu qed jieħdu pjaċir u b’hekk nagħtu spinta ekonomika l-pajjiż.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, spjegat li s’issa kienet sena impenjattiva għal Festivals Malta, b’riżultati pożittivi għall-aħħar u kalendarju kulturali imżewwaq għax-xhur tas-sajf. “Kif ħabbarna ftit tax-xhur ilhu, din is-sena għandna festival ġdid fil-portafoll tagħna – Dance Festival Malta. Dan il-festival ser ikun iddedikat għaż-żfin bl-inklużjoni ta’ workshops, wirjiet taż-żfin u diversi opportunitajiet ta’ networking għall-artisti lokali. Ser ikollna wkoll programm artistiku varjatpermezz tal-Malta International Arts Festival u diversi artisti internazzjonali li se jiffurmaw parti mill-Malta Jazz Festival. Barra minn hekk, ħdimna wkoll fuq ir-rebranding tal-Għanafest li issa qed jissejjaħ RITMU, festival Mediterranju li jiċċelebra l-mużika, l-ikel u l-kultura Maltija. Wara sentejn ta’ festivals b’edizzjonijiet ridotti u dwk virtwali, Festivals Malta ħerwan biex jerġa jorganizza l-festivals bil-format oriġinali tagħhom mingħajr restrizzjonijiet. Diġà kienet sena impenjattiva għal Festivals Malta, u nittamaw li permezz tal-avvenimenti tas-sajf tagħna, inkomplu nipprovdu opportunitajiet għall-artisti kif ukoll avvenimenti ta’ livell għoli għall-udjenzi tagħna,” ikkonkludiet is-Sinjura Stivala.

RITMU, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Tiziana Calleja, ser isir bejn l-10 u l-11 ta’ Ġunju. Dan il-festival se jagħti bidu għall-kalendarju tas-sajf ta’ Festivals Malta permezz ta’ żewġt iljieli kkaratterizzati mill-kultura, ikel u mużika Maltija, fosthom l-Għana, Kantera, Albaluna, Mimmo Cavallaro, u ħafna aktar. Dan se jkun segwit mill-Malta International Arts Festival bejn it-18 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju li huwa mmexxi mid-direttur artistiku Ruben Zahra. Il-festival se jinkludi programm multidixxiplinari ta’ mużika, teatru, arti viżiva u żfin, b’artisti lokali kif ukoll dawk internazzjonali bħall-Malta Philharmonic Orchestra, Chris Dingli, Joseph Galea, Carolina Eyck, Massimo Marcelli, Rootless Root, Herve Koubi u ħafna aktar. Bejn il-11 u s-16 ta’ Lulju, id-direttur artistiku Sandro Zerafa se jippreżenta l-Malta Jazz Festival b’lineup eklettiku t’artisti lokali u internazzjonali bħal Dominic Galea, Joel Ross ‘Good Vibes’, Richard Bona u Alfredo Rodriguez, John Scofield’s ‘Yankee Go Home’, Danny Grissett, u ħafna aktar. Il-kalendarju tas-sajf se jiġi fi tmiemu bid-Dance Festival Malta li ser isir bejn it-28 u l-31 ta’ Lulju, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Francesca Tranter – festival fuq erbat’ ijiem li jinkludi workshops intensivi u prestazzjonijiet taż-żfin li huma miftuħin għall-pubbliku.

Il-biljetti ser ikunu għall-bejgħ dalwaqt. Għal aktar informazzjoni fuq il-festivals tas-sajf żur www.festivals.mt








Comments


bottom of page