Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-General Workers’ Union. Dan il-ftehim kollettiv se jwassal biex il-ħaddiema tas-Sovrintendenza jgawdu minn żidiet fil-pagi, miżuri mmirati lejn bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u benefiċċji oħra. L-iffirmar tal-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-Ministru Bonnici spjega kif dan il-ftehim kollettiv hu pass importanti sabiex inkomplu nsaħħu il-professjonijiet tal-qasam tal-wirt kulturali, qasam li huwa tant importanti għall-identità ta’ pajjiżna. “B’dan il-ftehim kollettiv m’aħniex nipprovdu pakkett finanzjarju aħjar biss, iżda qegħdin ukoll ninkoraġġixxu progressjoni fil-karriera tal-istess impjegati, kif ukoll nipprovdu l-inċentivi neċessarji għal impjegati futuri”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.
Għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid attendew ukoll il-Kap Eżekuttiv tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Kurt Farrugia kif ukoll id-Direttur tas-Support Services Ms Elizabeth Vassallo.
Comentarios