top of page

Ftehim li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-komunità kreattiva u l-industrija tal-pubblikazzjoni

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 9 ta’ Awwissu 2022) paġna numru 3.



Ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu se tissaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġà teżisti bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.


Il-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat ilbieraħ, għandu l-għan ukoll li jippromwovi numru ta’ inizjattivi artistiċi u edukattivi b’mod partikolari waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus.


Dan il-ftehim se joħloq aktar opportunitajiet għall-artisti li għandhom interess li jippubblikaw xogħol artistiku kemm lokalment u anke barra minn pajjiżna; dan filwaqt li jżewweġ l-arti lokali mal-letteratura biex jattira interess lejn ix-xena lokali tal-pubblikazzjoni li twassal għal żieda fl-esportazzjoni tal-illustrazzjonijiet Maltin. Il-ftehim se joħloq ukoll aktar opportunitajiet għall-integrazzjoni tal-arti u tal-letteratura u se jiġu organizzati numru ta’ laqgħat ta’ informazzjoni u ta’ netwerking.


Il-ftehim kien iffirmat minn Mary Ann Cauchi - Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti u minn Mark Camilleri - Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.


F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa pass importanti biex iniedi t-triq għal kollaborazzjoni sħiħa bejn il-komunità kreattiva u l-industrija tal-pubblikazzjoni. Huwa sostna li permezz tal-investiment fl-organizzazzjonijiet artistiċi u edukattivi qed joħloq appoġġ fit-tul filwaqt li jipprovdi pjattaformi għal din il-komunità, li kulma jmur dejjem qed tikber.


Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza tal-ktieb fl-edukazzjoni u qal li, “Il-Ministeru għall-Edukazzjoni permezz ta’ dan il-ftehim qed jinkoraġġixxi għal darba oħra l-ħidma ta’ din l-industrija u qed jara li din il-ħidma tkompli ssaħħaħ l-industrija tal-ktieb Malti u l-promozzjoni tal-qari tal-ktieb. Permezz ta’ dan il-ftehim qed ninvestu wkoll fil-ktieb, għodda bżonjuża ferm għall-istudenti tagħna li jużawha mhux biss għat-tagħlim imma wkoll fil-ħin liberu biex ikomplu jwessgħu l-għarfien tagħhom”.


Mary Ann Cauchi sostniet li din il-kollaborazzjoni se ttejjeb u ssostni l-industrija tal-kotba partikolarment għall-illustraturi u għad-disinjaturi grafiċi, biex tipprovdilhom aktar opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u kreattiv, u anke aċċessibbiltà aħjar għall-kotba u għall-pubblikazzjonijiet immirati għal udjenzi differenti.


“Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħerqan biex din il-kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti tħalli l-frott tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-promozzjoni ta’ xogħol ta’ msieħba tagħna fl-industrija tal-kotba, jiġifieri l-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi. Dan il-ftehim se jsaħħaħ ukoll in-netwerks professjonali ta’ bejnietna. Il-missjoni tagħna hija li naħdmu ma’ entitajiet kulturali oħra biex inwieżnu x-xena lokali tal-pubblikazzjoni, inxettlu talenti ġodda, u noħolqu spazju fejn il-letteratura Maltija tkun rikonoxxuta kif tassew jixirqilha,” sostna ċ-Chairman Eżekuttiv Mark Camilleri.






Comments


bottom of page