Il-Malta Society of Arts hija l-ewwel organizzazzjoni Maltija li wettqet proġett tal-programm Ewropa Kreattiva bħala l-imsieħeb ewlieni mexxej tal-proġett
AMuSE (Artistic Multi Sensorial Experience) huwa l-ewwel proġett taħt il-kappa tal-programm Ewropa Kreattiva li qatt ingħażel għal kofinanzjar mill-Kummissjoni Ewropea li qed jitmexxa minn organizzazzjoni Maltija – il-Malta Society of Arts (MSA). Il-proġett ilu għaddej diversi snin u beda fl-2017 meta l-MSA ressqet il-proposta tagħha bl-ideat ta’ kif jista’ jseħħ il-programm artistiku. F’Settembru 2019, AMuSE se jasal fi tmiemu bi tliet avvenimenti ewlenin – kunċert interattiv, spettaklu ta’ daqq sinkronizzat tal-qniepen tal-knejjes u wirja tal-arti kollettiva bis-sehem ta’ sittax-il artist/a emerġenti lokali u Ewropej.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien preżenti għat-tnedija u faħħar id-daqs u l-ambizzjoni ta’ dan il-proġett. Hu stqarr li “bħala gvern qed inkomplu nsaħħu l-pjattaformi kulturali għall-benefiċċju ta’ professjonisti fix-xena artistika permezz ta’ inizjattivi u ta’ opportunitajiet. AMuSE żgur se jservi bħala eżempju għall-organizzjonijiet kulturali u għall-entitajiet lokali biex jipparteċipaw bħala msieħba prinċipali fi proġetti futuri tal-Ewropa Kreattiva,” żied jgħid Owen Bonnici.
Il-President tal-MSA l-Perit Adrian Mamo ta merħba lill-mistednin kollha preżenti, li fosthom kien hemm ukoll is-sittax-il artist/a li ħadu sehem fil-proġett - kemm l-erba’ artisti Maltin kif ukoll it-tnax-il artist barrani mit-tliet pajjiżi msieħba – l-Italja, l-Olanda u l-Litwanja – u delegati barranin oħra. Adrian Mamo kkummenta li l-MSA kellha dimensjoni internazzjonali sa mill-bidu nett tagħha u dejjem rat l-importanza tar-rabtiet max-xena artistika internazzjonali.
Id-direttur artistiku ta’ AMuSE Roderick Camilleri spjega li l-wirja finali tal-proġett AMuSE se tikkonsisti f’kostellazzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi li nħolqu mis-sittax-il artist li qed jipparteċipaw fil-proġett matul ir-residenzi artistiċi li saru fl-aħħar sentejn fit-tliet pajjiżi Ewropej imsieħba – l-Associazione Le Terre dei Savoia (l-Italja), il-Hanze University of Applied Sciences (l-Olanda) u d-Dusetos Cultural Centre (il-Litwanja).
Il-wirja, li se ddum għaddejja matul ix-xahar ta’ Ottubru kollu, se tinqasam fi tliet taqsimiet skont is-suġġetti li ħarġu matul ir-residenzi artistiċi f’kull pajjiż: Organiku, Magħmul mill-Bniedem u Traċċi. It-tliet suġġetti issa se jingħaqdu f’wirja waħda, marbutin flimkien taħt it-temi tal-komunità u tal-kuntesti ideoloġiċi u kulturali li jiffurmaw aspetti tal-identità Ewropea, kollha mnebbħa mill-multisensorjalità.
Iż-żewġ avvenimenti l-oħra li jiffurmaw parti mit-tmiem ta’ dan il-proġett ukoll huma mnebbħa mis-sensi.
Il-project leader ta’ AMuSE u l-maniġer tal-MSA Joe Scerri jinsab kburi li “permezz tal-AMuSE, l-MSA mhux biss tat opportunità lil artisti lokali żgħażagħ biex joħolqu xogħol ġdid, jivvjaġġaw u jitħalltu ma’ artisti Ewropej bħalhom, iżda offriet ukoll pjattaforma lill-artisti parteċipanti kollha mill-pajjiżi msieħba biex joħolqu xogħol fi ħdan il-komunitajiet lokali, li kien pilastru importanti ta’ dan il-proġett.”
L-avvenimenti finali ta’ AMuSE huma: ‘Peal’, id-daqq sinkronizzat ta’ qniepen tal-knisja li nstema’ mill-Baċir Nru 1 ta’ Bormla nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru fis-7pm; il-kunċert interattiv ‘SensitIV’ mill-Goldberg Ensemble nhar it-Tlieta 24 ta’ Settembru fis-7pm fil-Palazzo de La Salle, il-Belt Valletta; u l-wirja finali tax-xogħlijiet artistiċi li se tibqa’ miftuħa sal-31 ta’ Ottubru 2019 fil-Palazzo de La Salle stess. Id-dħul għall-avvenimenti kollha huwa b’xejn. Aktar dettalji fuq www.artsmalta.org/events.
Comments