top of page

Ftuħ uffiċjali tal-ewwel EXPO virtwali dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-MCAST


Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19 Owen Bonnici fetaħ l-ewwel Expo tar-Riċerka u l-Innovazzjoni organizzat mill-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).

Dan l-avveniment ta’ jumejn huwa parti mill-isforz tal-Kulleġġ biex iżid ir-riċerka rilevanti għall-industrija, hekk kif qed jipprepara ukoll biex iniedi l-ewwel programm ta’ dottorat professjonali. F’din l-attività, qed jiġu ppreżentati l-proġetti ta’ 40 student u 96 riċerkatur mis-sitt istituti tal-Kulleġġ.

Il-Ministru Bonnici qal; “Dan l-Expo juri x-xogħol sinifikanti ta’ riċerka u innovazzjoni li qed isir minn riċerkaturi tal-MCAST. Il-varjetà tar-riċerka u l-innovazzjoni jirriflettu d-diversità u l-oqsma speċjalizzati tal-Kulleġġ. L-MCAST jinsab fuq quddiem fl-innovazzjoni, u kien wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet li nieda l-Istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. Jien tassew kburi li ninsab preżenti għal dan l-expo għaliex aħna bħala gvern kommessi sabiex inkomplu nsaħħu l-innovazzjoni u r-riċerka ta’ pajjiżna, għaliex verament nemmnu li dan huwa l-futur ta’ pajjiżna, kif ukoll ta’ pajjiżi oħra ’l bogħod minn xtutna.”

Dr Alex Rizzo, Deputat Prinċipal responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, qal; “Il-proġetti ta’ riċerka tal-MCAST ikopru varjetà ta’oqsma, mix-xjenza applikata għall-inġinerija, min-negozju u l-kummerċ għall-edukazzjoni, mill-ICT għall-arti kreattiva. Aħna ddeċidejna li nużaw ambjent ta’ kampus virtwali, biex nippreżentaw dan ix-xogħol b’mod interattiv u biex nieħdu l-limitazzjonijiet attwali imposti mill-pandemija bħala opportunità għall-innovazzjoni.”

Il-parteċipanti qed jingħaqdu fl-attività permezz ta’ avatars u jinteraġixxu fi ħdan il-kampus online. Il-kampus virtwali jinkludi wkoll spazju fejn l-istudenti li għadhom kemm temmew l-istudji tagħhom qed jesebixxu l-proġetti tagħhom.

L-erba’ temi tal-Expo, li kollha jindirizzaw l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, huma: teknoloġija emerġenti u innovazzjoni kreattiva; benesseri soċjali, sport u saħħa; pedagoġija ta’ kwalità u tagħlim effettiv; sostenibbiltà ambjentali u kulturali.

Iktar minn 250 parteċipant ingħaqdu mal-avveniment li qed isir online f’kampus virtwali.




Comments


bottom of page