top of page

Għaddej ġmielu l-proġett ta’ restawr fuq is-swar u l-bieb ta’ Notre Dame, b’investiment ta’ €850,000


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Gvern Lokali Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru n-Notre Dame Gate u s-swar ta’ Notre Dame fil-Kottonera, fejn għaddej xogħol ta’ restawr. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €850,000, taħt id-direzzjoni tad-Direttorat tar-Restawr.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li Notre Dame Gate hija l-ogħla punt fiż-żona. “Mis-saqaf tiegħu, wieħed jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ tal-biċċa l-kbira ta’ pajjiżna u japprezza l-importanza strateġika li kellha sabiex jintbagħtu sinjali militari,” enfasizza l-Ministru Bonnici.

Huwa kompla jgħid li l-għan tar-restawr huwa li jiġi vvalutat il-wirt storiku taż-żona. “Postijiet storiċi li jinsabu fl-irħula u l-ibliet rispettivi huma imprezzabbli għall-komunitajiet, u dan ir-restawr ikompli jissalvagwardja dawk l-aspetti importanti tal-wirt tagħna,” qal il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq dawn iż-żewġ postijiet storiċi. “Inħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex jidentifikaw u jressqu ‘l quddiem postijiet storiċi li għandhom fil-lokalitajiet tagħhom li jirrikjedu xogħol ta’ restawr, sabiex inkomplu nippreservaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri,” saħqet Zerafa Civelli.

Ix-xogħol ta’ restawr fuq Notre Dame Gate beda fl-aħħar ta’ Mejju 2022 u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ April 2023. Filwaqt li x-xogħol fuq is-swar u l-istrutturi anċillari beda f’Ottubru 2022u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru 2023.

Il-Perit Daphne Fenech, li hija responsabbli għax-xogħol li qed isir fuq is-Sur ta’ Notre Dame, qalet li l-maġġorparti tax-xogħol ta’ restawr li għaddej tul din il-medda ta’ fortifikazzjonijiet huwa ta’ natura strutturali. Hija spjegat li l-‘casemates’ li jħarsu lejn il-Birgu kienu ġarrbu ħsarat sinifikanti u dan wassal għal deterjorazzjoni sinifikanti fil-gebel tul il-ġenb li jagħti fuq Ħaż-Żabbar, li kkomprometta l-integrità strutturali tas-swar, u għaldaqstant ix-xogħlijiet attwali huma ffukati biex tiġi żgurata s-sigurtà.

Hija kompliet tispjega li x-xogħol li jmiss se jinvolvi r-rikostruzzjoni tal-casemates fejn se jintuża xogħol iddisinjat apposta biex jippreserva kemm jista’ jkun l-istruttura oriġinali filwaqt li tinbena mill-ġdid is-sezzjoni nieqsa.

Il-Perit Timothy Portelli, li huwa responsabbli għax-xogħol li qed isir fuq Notre Dame Gate, spjega li x-xogħol ta’ restawr jinkludi l-faċċati esterni tal-parti ta’ fuq tal-bieb, kif ukoll konsolidazzjoni strutturali ta’ travi interni tal-injam. Se jiġi restawrat ukoll it-trophy of arms madwar il-bust, kif ukoll l-aperturi kollha tal-injam. Barra minn hekk, se jsiru xogħlijiet ta’ waterproofing fuq is-saqaf.






Comments


bottom of page