Kitba meħuda mill-gazzetta ‘it-Torċa’ (| Il-Ħadd 19 ta’ Marzu 2023) paġna numru 2
Ix-xogħol ta’ Notre Dame Gate u s-swar ta’ Notre Dame fil-Kottonera, għaddej xogħol ta’ restawr. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €850,000, taħt id-direzzjoni tad-Direttorat tar-Restawr.
Mis-saqaf tiegħu, wieħed jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ tal-biċċa l-kbira ta’ pajjiżna u japprezza l-importanza strateġika li kellha sabiex jintbagħtu sinjali militari.
L-għan tar-restawr huwa li jiġi vvalutat il-wirt storiku taż-żona. Postijiet storiċi li jinsabu fl-irħula u l-ibliet rispettivi huma imprezzabbli għall-komunitajiet, u dan ir-restawr ikompli jissalvagwardja dawk l-aspetti importanti tal-wirt tagħna.
Prosit lill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex isir xogħol ta’ restawr fuq dawn iż-żewġ postijiet storiċi. Permezz ta’ dan il-proġetti nkomplu nħeġġu ill-kunsilli lokali sabiex jidentifikaw u jressqu ‘l quddiem postijiet storiċi li għandhom fil-lokalitajiet tagħhom li jirrikjedu xogħol ta’ restawr, sabiex inkomplu nippreservaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet ¡futuri.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq Notre Dame Gate beda fl-aħħar ta’ Mejju 2022 u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ April 2023. Filwaqt li x-xogħol fuq is-swar u l-istrutturi anċillari beda f’Ottubru 2022u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru 2023.
Il-Perit Daphne Fenech, li hija responsabbli għax-xogħol li qed isir fuq is-Sur ta’ Notre Dame, fil-kummenti tagħha qalet li l-maġġorparti tax-xogħol ta’ restawr li għaddej tul din il-medda ta’ fortifikazzjonijiet huwa ta’ natura strutturali. Hija spjegat li l-‘casemates’ li jħarsu lejn il-Birgu kienu ġarrbu ħsarat sinifikanti u dan wassal għal deterjorazzjoni sinifikanti fil-gebel tul il-ġenb li jagħti fuq Ħaż-Żabbar, li kkomprometta l-integrità strutturali tas-swar, u għaldaqstant ix-xogħlijiet attwali huma ffukati biex tiġi żgurata s-sigurtà.
Hija kompliet tispjega li x-xogħol li jmiss se jinvolvi r-rikostruzzjoni tal-casemates fejn se jintuża xogħol iddisinjat apposta biex jippreserva kemm jista’ jkun l-istruttura oriġinali filwaqt li tinbena mill-ġdid is-sezzjoni nieqsa.
Il-Perit Timothy Portelli fil-kumment tiegħu li huwa responsabbli għax-xogħol li qed isir fuq Notre Dame Gate, spjega li x-xogħol ta’ restawr jinkludi l-faċċati esterni tal-parti ta’ fuq tal-bieb, kif ukoll konsolidazzjoni strutturali ta’ travi interni tal-injam. Se jiġi restawrat ukoll it-trophy of arms madwar il-bust, kif ukoll l-aperturi kollha tal-injam. Barra minn hekk, se jsiru xogħlijiet ta’ waterproofing fuq is-saqaf.
Comments