top of page

Għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fl-Oratorju tal-Onorati tal-Knisja tal-Ġiżwiti



Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda xogħol ta’ restawr tal-Knisja tal-Ġiżwiti, b'investiment ta' €1.25 miljun


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fuq l-Oratorju tal-Onorati fil-Knisja tal-Ġiżwiti, li bħalissa huma ffukati fuq is-soffit, liema xogħol għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Il-Ministru Bonnici ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda x-xogħol ta’ restawr tal-Knisja nnifisha fejn se jsiru tiswijiet fil-ġebel; tindif tal-ħitan, is-soqfa u l-koppla tal-Knisja kif ukoll tal-kappelli; se titneħħa ż-żebgħa żejda u se jiġu restawrati l-ħitan. Se jiġu restawrati wkoll it-twieqi, filwaqt li se titranġa l-art li hija magħmula mill-irħam. Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li se jiswew madwar €1.25 miljun u se jitlestew fi żmien 3 snin.

Fil-bidu ta’ din is-sena tlesta r-restawr tal-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja tal-Ġiżwiti kif ukoll ix-xogħlijiet fuq is-Sagristija. Dan ix-xogħol ta’ restawr sar mid-Diviżjoni tar-Restawr u Preservazzjoni u sar b’investiment ta’ €1.6 miljun oħra. Dan l-investiment ikopri wkoll ir-restawr tat-tieni Oratorju, dak tal-Onorati.

Il-Ministru Bonnici enfasizza dwar l-importanza tar-restawr ta’ dawn il-postijiet ta’ wirt storiku, li jinsabu fil-qalba tal-Belt Kapitali. Huwa saħaq li dan il-wirt patrimonjali jattira wkoll viżitaturi li jiġu f’pajjiżna biex jesperjenzaw il-wirt reliġjuż u dak artistiku. Innota wkoll li l-konservazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet tal-arti tiggarantixxi s-sopravivenza u t-tgawdija tagħhom għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li jżuru din il-Knisja.

“B’kollox se jkunu ġew investiti total ta' €4.5 miljun jekk nieħdu biss l-intern ta' din il-ġawhra patrimonjali fil-Belt Valletta u dan mingħajr ma ninkludu l-investiment marbut max-xogħlijiet li bdew fl-2015 bir-restawr tal-bejt tal-Knisja tal-Ġiżwiti, il-koppla, il-kupletti ta’ fuq il-kappelli, u l-kampnar. Ix-xogħlijiet tkomplew bir-restawr tal-faċċati tal-Knisja fi Triq il-Merkanti, fi Triq l-Arċisqof u fi Triq San Pawl, kif ukoll ir-restawr li qed nitkellmu fuqu illum,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet, stqarr li, “Il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti bi pjaċir tara r-riżultati viżibbli li diġà inkisbu bil-konservazzjoni u r-restawr taż-żewġ Oratorji u is-Sagristija ta’ dan il-kumpless monumentali. Dan ir-restawr qed jippermetti li nagħtu lura lill-komunità lokali uħud mill-isbaħ spazji barokki fil-Belt Valletta, u ħloqna ċentru kulturali ġdid fil-belt kapitali. Bħala parti integrali minn dan il-proġett, fi ftit ġranet se nniedu t-tieni staġun kulturali li huwa mmirat li jippromwovi it-talent artistiku u mużikali taż-żagħżagħ tagħna, u hekk inkomplu tradizzjoni formattiva li tifforma parti integrali mill-għan tal-kumpless tal-Ġiżwiti.”










Comentarios


bottom of page