top of page

Għall-ewwel darba pajjiżna għandu strateġiji kulturali għas-sitt reġjuni tagħna



Kitba meħuda mill-Orizzont (Is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 1,7.


Programmi mfassla skont kull lokalità fi ħdan ir-reġjuni ta’ Għawdex, Tramuntana, Lvant, Punent, Port u Nofsinhar


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ilbieraħ nedew is-sitt Strateġiji Kulturali Reġjonali li l-għan tagħhom huwa li jkunu ta’ gwida ħalli jkun aċċertat li l-programmi kulturali ta’ kull kunsill reġjonali jkunu mfassla b’tali mod li jiġu ċċelebrati t-tradizzjonijiet, it-talenti, il-karatteristiċi u l-elementi kulturali uniċi ta’ kull lokalità fi ħdan kull reġjun.


Dawn l-istrateġiji kulturali reġjonali ġew żviluppati mir-reġjuni u kienu mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti f’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Malta. Kull strateġija hija ddedikata għal kull reġjun fi ħdan pajjiżna u jiffokaw fuq it-temi kulturali u l-prijoritajiet l-aktar importanti għar-reġjun innifsu mill-2022 ’il quddiem. Is-sitt Strateġiji Kulturali Reġjonali huma – Għawdex, Tramuntana, Lvant, Punent, Port u Nofsinhar li kollha jindirizzaw ir-reġjun speċifiku tagħhom.


Waqt it-tnedija l-Ministru Owen Bonnici spjega li, “il-kultura u l-arti rikka ta’ pajjiżna huma riflessi fl-istrateġiji kulturali reġjonali li permezz tagħhom qegħdin naħdmu għat-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi.


“IL-KUNSILLI REĠJONALI NGĦATAW IS-SAĦĦA VERA TAĦT GVERN LABURISTA”


B’inizjattiva ta’ dan il-livell qegħdin inżidu l-aċċessibbiltà fis-settur u nsaħħu l-professjonalità wkoll”.


Pass kruċjali li għandu wettaq differenza sabiħa għall-ġid tas-settur


F’kumment li ta lil L-ORIZZONT il-Ministru Bonnici sostna li, “il-Kunsilli Reġjonali ngħataw is-saħħa vera taħt Gvern Laburista u nemmnu li huma saff importanti mmens għat-titjib tal-iggvernar lokali. Nemmem li fil-kamp kulturali l-Kunsilli Reġjonali jistgħu jagħmlu differenza kbira ħafna u għandu jkollhom parti attiva fil-kamp tal-arti, il-kultura u l-ekonomija kreattiva”.


Huwa qal li din hija l-ewwel darba li pajjiżna għandu strateġiji kulturali għas-sitt reġjuni tagħna fejn żied jgħid li, “fih innifsu dan huwa pass importanti u m’għandix dubju li għad inħarsu lura u ngħidu li t-tnedija tal-istrateġiji fl-2022 kien pass kruċjali li wettaq differenza sabiħa għall-ġid tas-settur”.


Il-Ministru Bonnici temm jgħid li, “l-istrateġiji ġew żviluppati wkoll mal-Kunsilli Lokali, l-Organizzazzjonijiet Kulturali Nongovernattivi, l-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi, il-prattikanti kulturali u r-residenti tal-lokalitajiet. Dan biex nimmassimizzaw mhux biss il-potenzjal tar-reġjuni, imma wkoll is-setturi kulturali u kreattivi”.


L-iżvilupp tat-talent, l-involviment tal-udjenza u l-innovazzjoni tal-wirt storiku


Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qaltilna li dawn is-sitt strateġiji se jservu ta’ gwida għall-kunsilli reġjonali fit-tfassil tal-programm kulturali rispettiv tagħhom għal dik is-sena li jkollhom it-titlu tar-“Reġjun tal-Kultura”. Hi spjegat li ebda stateġija mhi ja bħall-oħra, għax kull strateġija hija personalizzata u speċifika għal kull reġjun. Dan sar biex naċċertaw li t-tradizzjonijiet, it-talenti, il-karatteristiċi u l-elementi kulturali uniċi ta’ kull lokalità jkunu ċċelebrati kif mistħoqq”.


Zerafa Ċivelli kompliet tagħti aktar dettalji fejn spjegat li din is-sena l-Gvern Lokali nvesta fl-ingaġġ u t-taħriġ ta’ maniġers reġjonali li jispeċjalizzaw f’oqsma differenti inkluż il-qasam tal-kultura. Għaldaqstant, “il-maniġers reġjonali kulturali se jkunu qegħdin jassistu lill-kunsill lokali fi ħdan ir-reġjun rispettiv tagħhom fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi kulturali reġjonali bbażati fuq l-istrateġiji kulturali li nedejna issa”.

L-istrateġiji jimxu mal-affermazzjonijiet tal-UNESCO u huma mnebbħa wkoll minn kif il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-irwol essenzjali li l-kultura għandha fl-iżvilupp lokali, partikolament fit-tnaqqis ta’ distakk f’opportunitajiet bejn partijiet differenti tal-Ewropa.


Dawn huma wkoll imfassla minn tliet temi trasversali ewlenin għall-kultura madwar pajjiżna li huma – l-iżvilupp tat-talent, l-involviment tal-udjenza u l-innovazzjoni tal-wirt storiku. Dawn it-temi huma komuni għar-reġjuni kollha u jintroduċu prijoritajiet speċifiċi għal kull reġjun.



コメント


bottom of page