Il-kantant Taljan Gianni Morandi se jagħti kunċert f’Malta, nhar is-Sibt 12 t’Awwissu, fil-Forti Manoel, f’Manoel Island. Dan il-kunċert se jittella’ bħala parti mit-tour ta’ Morandi bl-isem ta’ ‘Go Gianni Go!’ u qed jiġi organizzat mill-kumpanija Malta Globe Music Ltd bil-kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ambaxxatur tal-Italja f’Malta Fabrizio Romano.
Il-Ministru Bonnici saħaq kif il-kunċert ta’ Gianni Morandi hu għal darb’oħra opportunità ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Italja. Huwa qal li dan il-kunċert se jsegwi l-kunċerti li qed itella’ proprju bħalissa kantant ieħor Taljan ta’ fama internazzjonali, Pupo.
“Kunċerti bħal dawn huma importanti, għaliex dawn mhux biss jiġbru eluf ta' dilettanti tal-mużika taljana minn madwar l-Ewropa kollha iżda huwa pjattaforma importanti li permezz tagħha Malta tkompli issir destinazzjoni attraenti fid-dinja tal-kunċerti u l-mużika,” tenna l-Ministru Bonnici.
Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Fabrizio Romano qal li l-preżenza f'Malta ta’ artist bħal Gianni Morandi jkompli jgħaqqad ir-rabta kulturali bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Gianni Morandi, li huwa magħruf għall-kanzunetti bħal ‘Occhi di ragazza’, ‘Scende la pioggia’ u ‘La fisarmonica’, kien ta kunċert fl-2019 fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
댓글