top of page

Gvern għan-Nies

Gvern għan-Nies: kumpanija bbażata f’Malta tippromwovi b’suċċess opportunitajiet fuq livell tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni lil klijenti madwar l-Ewropa kollha



Kumpanija bbażata fin-Naxxar ippromwoviet b’suċċess opportunitajiet tal-Unjoni Ewropea lil klijenti madwar l-Ewropa kollha permezz ta’ sħubiji effettivi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn il-klijenti jvarjaw minn gvernijiet, negozji, NGOs u akkademiċi. Il-kumpanija serviet ukoll ta’ kuntrattur għall-Kummissjoni Ewropea u għall-aġenziji tagħha f’diversi proġetti.

Il-kumpanija, AcrossLimits, ilha topera għall-aħħar 20 sena u timpjega 11-il persuna f’Malta u aktar minn 40 espert minn madwar id-dinja f’oqsma differenti tat-teknoloġija inklużi l-ICT, il-greentech, il-medtech u l-iżvilupp tal-policies.

Il-Ministru Owen Bonnici żar l-uffiċini ewlenin tal-kumpanija bħala parti mill-ġimgħa Gvern għan-Nies, fejn iltaqa’ mad-Direttur, is-Sinjura Angele Giuliano. Matul il-laqgħa, li ħabtet mal-jum tat-tnedija ta’ Kunsill fuq livell Ewropew għall-Innovazzjoni, Dr Bonnici ngħata spjegazzjoni tal-ħidma tal-kumpanija u ta’ numru ta’ proġetti ta’ riċerka li AcrossLimits jipparteċipaw direttament fihom.

Il-Ministru Bonnici qal li AcrossLimits hija prova ħajja li Malta tista’ tkun sieħeb attiv fuq livell Ewropew fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u tista’ wkoll tagħmel differenza kbira.

“Irridu nibnu ekosistema robusta ta’ innovazzjoni f’pajjiżna u din il-kumpanija turi biċ-ċar li fil-fatt nistgħu nagħmlu differenza mhux biss għall-entitajiet lokali iżda wkoll fuq livell Ewropew”. Hu semma tliet proġetti ewlenin li fihom AcrossLimits għandha rwol attiv li qed iħallu impatt fuq livell Ewropew: il-proġett ITAMA, iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza BioExcel2 għal proġett ta’ Riċerka Bijomolekulari bl-użu tal-informatika u l-proġett ER4STEM.

Il-proġett ITAMA, iffinanzjat mill-programm INTERREG V-A Italia-Malta, huwa taħt it-tmexxija tad-Dipartiment tal-Fiżika u l-Kimika tal-Università ta’ Palermo bl-involviment tal-Università ta’ Messina, l-Isptar Mater Dei u l-Ministeru Malti għas-Saħħa.

L-għan ġenerali tal-ITAMA huwa li jattiva netwerk bejn ir-riċerka u ambjent produttiv fis-setturi tal-kura tas-saħħa biex jiżviluppaw għodod tal-ICT innovattivi għad-dijanjosi mhux invażiva ta’ mard awtoimmunitarju. Il-parti tal-ġbir tad-data tal-istudju hija bbażata fuq l-iscreening ta’ 22,000 pazjent (20,000 tifel u tifla ta’ bejn 4 u 12-il sena f’Malta u 2,000 pazjent fi Sqallija) għall-marda celiac, possibbilment qabel ma jiżviluppaw is-sintomi. Sa issa ġew screened 12,000 tifel u tifla Maltin u l-ittestjar huwa ppjanat li jkompli tul is-sena. Dan l-iscreening huwa magħmul minn 2 fażijiet: test sempliċi li juża qatra demm minn subgħajn il-persuna u kwestjonarju tas-sintomi assoċjati xjentifikament mal-marda celiac. Din id-data se tiddaħħal f’sistema innovattiva, żviluppata mill-ITAMA, li eventwalment tkun tista’ tgħid jekk il-marda ċelijaċi hix preżenti f’pazjent mingħajr il-ħtieġa ta’ testijiet invażivi u li jiswew hafna riżorsi bħall-endoskopija.

Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza BioExcel2 għall-proġett ta’ Riċerka Bijo-molekulari bl-użu tal-informatika, iffinanzjat minn Horizon 2020, juża kompjuters ta’ prestazzjoni għolja sabiex joħloq simulazzjonijiet u kalkoli li jgħinu fil-ħolqien ta’ farmaċewtiċi ġodda. Peress li l-esperimentazzjoni ssir bil-metodu marbut mal-informatika, hemm inqas ħtieġa li jsiru testijiet fuq annimali u bnedmin, u dan iħaffef iċ-ċiklu ta' żvilupp farmaċewtiku. Twaqqaf ukoll portal li jiġbor l-informazzjoni kollha dwar dan il-proġett- www.bioexcel.eu. Dan l-istess proġett ingħata l-unur għall-Aħjar Impatt fuq is-Saħħa, is-Sigurtà jew Mobbiltà Intelliġenti fl-Iskema tal-Premju Horizon 2020 organizzata mill-MCST.

Il-proġett Robotika Edukattiva għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (ER4STEM hu iffinanzjat ukoll minn Horizon 2020 u hu mmirat biex jagħmel l-idea tax-xjenza u t-teknoloġija aktar divertenti għall-istudenti. 5,000 student differenti madwar l-Ewropa, fosthom 900 student minn Malta, ġew mgħallma kif jipprogrammaw robots żgħar sabiex jgħallmuhom programmazzjoni strutturata. Dan il-proġett rebaħ l-Aħjar Promozzjoni tal-Premju STEM fl-Iskema tal-Premju Horizon 2020 organizzata mill-MCST.

Is-Sinjura Giuliano qalet, “Bħala kumpanija ilna dejjem impenjati fil-qasam Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u dan sa mill-2001. Grazzi għall-għarfien tagħna għinna kemm klijenti pubbliċi kif ukoll privati ​​jilħqu l-għanijiet tagħhom ta’ teknoloġija aħjar biex iservu s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ambjent. Li nkunu Maltin kien vantaġġ f’ħafna modi, peress li nistgħu nisfruttaw l-isfond rigoruż tat-teknoloġija tagħna b'networking bi stil Mediterranju u dan definittivament għinna niġbdu l-attenzjoni”.

“Ħafna mill-klijenti tagħna huma fil-fatt mill-Olanda, il-Belġju u pajjiżi Nordiċi u dawn il-pajjiżi qegħdin dejjem ifittxu kollaborazzjonijiet ta’ negozju man-Nofsinhar tal-Ewropa f’industriji differenti bħas-servizzi marittimi, dawk ambjentali u tal-ICT. Minħabba li llum huwa l-jum tat-tnedija ta’ Kunsill fuq livell Ewropew tal-Innovazzjoni, li se jinvesti ’l fuq minn €10 biljun fis-7 snin li ġejjin, qatt ma kien hemm żmien aħjar biex nibdew ninvolvu ruħna fir-riċerka u fit-teknoloġija profonda fl-Ewropa. Bħala ċ-Champion ta' Malta tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, jien impenjata li nippromwovi u nappoġġa fejn possibbli, li l-ekosistema lokali tagħna tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha”, ikkonkludiet is-Sinjura Giuliano.

Ritratti (MRIC)




Comments


bottom of page