Il-Knisja storika tal-Lunzjata, li tinsab fiż-żona tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi, bħalissa għaddej fuqha xogħlijiet estensivi ta’ restawr u konsolidazzjoni taħt l-art. Dawn ix-xogħlijiet essenzjali qed isiru biex jiġi ppreservat dan is-sit storiku, li kien f’riskju minħabba n-natura instabbli tal-blat li fuqha tinsab il-knisja. Il-proġett mistenni li jitlesta sa Ġunju 2025.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, żaru dan il-proġett ta’ restawr.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici stqarr, “Ir-restawr tal-Knisja tal-Lunzjata juri l-impenn tagħna biex nippreservaw il-wirt kulturali u storiku rikk ta’ Malta. Dan il-proġett mhux biss qed jirrestawra monument storiku importanti, iżda wkoll jiżgura l-istabbiltà u s-sigurtà tiegħu għall-ġenerazzjonijiet futuri. Ninsab sodisfatt bil-progress li sar s’issa u nirringrazzja lill-ħaddiema u lil kull min hu involut f’dan il-proġett importanti.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, laqgħet b’sodisfazzjon ir-restawr u l-interventi li qed isiru fuq din il-knisja. “Il-preservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali tagħna, f’dan il-każ dak reliġjuż, hu parti importanti mill-ħidma ta’ dan il-gvern. Il-ġenerazzjoni tagħna u anke dik futura għandha l-obbligu li żżomm u tindokra dak li għaddewlna missirijietna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Hu maħsub li l-knisja oriġinali nbniet fit-tieni nofs tas-seklu 15. Xhieda dokumentata turi li l-knisja reġgħet inbniet bejn l-1680 u l-1681, iżda sofriet ħsarat kbar minħabba t-terremoti tal-1693, 1856, u 1923.
Sa issa, ix-xogħol inkluda d-dokumentazzjoni kontinwa tal-istruttura tal-knisja u l-movimenti ġeoloġiċi, sostenn tal-istruttura instabbli tal-għar, u t-tisħiħ tas-saqaf tiegħu b’saff ta’ konkos. Tpoġġew travi ta’ konkos rinfurzat temporanji biex jappoġġjaw il-makkinarju tqil meħtieġ għat-tħaffir ta’ piles taħt l-art. Barra minn hekk, is-saqaf tal-knisja ġie żarmat temporanjament u l-art tneħħiet bi tħejjija għax-xogħlijiet li ġejjin.
Din l-inizjattiva ta’ restawr qed titwettaq bi ftehim bejn id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. B’kollox qed jiġu investiti €1.2 miljun biex jiġi salvat dan it-tempju tant importanti.
L-Arċidjoċesi ħatret lil Dr Adrian Mifsud bħala l-konsulent ġeotekniku responsabbli għad-disinn u s-superviżjoni tax-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni taħt l-art. Min-naħa l-oħra, il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, huwa responsabbli għall-immaniġġjar ġenerali tal-proġett, is-superviżjoni tal-interventi kollha ta’ restawr fuq il-binja tal-knisja, u l-kopertura tal-ispejjeż relatati kemm mar-restawr fuq il-post kif ukoll mal-konsolidazzjoni taħt l-art.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm is-Sindku tas-Siġġiewi l-Perit Julian Borg flimkien ma’ membri mill-Kunsill Lokali u l-Arcipriet Josef Mifsud.
Comments