top of page

Għotja ta’ €200,000 għall-iżvilupp ta’ ‘3D printing head’

Bl-użu tat-teknoloġija tal-fabbrikazzjoni tal-filamenti



Minn hawn u madwar 10 sa 15-il sena, il-printers 3D huma mbassra li jsiru ‘fabbriki żgħar’ jew ‘mini-fabbriki’. Iżda qabel ma dan jista’ jseħħ, l-istampaturi 3D għad għandhom xi sfidi kbar meta niġu għall-użu tagħhom fl-industrija tal-manifattura minħabba li l-proprjetajiet mekkaniċi għadhom mhux dejjem meqjusa sodisfaċenti. Ladarba dan l-ostaklu jkun ġie indirizzat, wieħed ikun jista’ jara żieda sinifikanti fis-saħħa ta’ oġġetti stampati u b’hekk il-printers 3D isiru mutur ewlieni fis-suq, li jikkontribwixxi ħafna għat-tkabbir tas-settur.

Laser Engineering & Development Limited hija kumpanija tal-inġinerija speċjalizzata fl-iżvilupp ta’ tagħmir tal-laser għal applikazzjonijiet industrijali. Bis-saħħa ta’ proġett li dalwaqt jasal fi tmiemu b’suċċess u li ġie ffinanzjat mill-MCST taħt il-Programm Nazzjonali R&I FUSION, saret riċerka bil-għan li tiżdied is-saħħa tal-oġġetti stampata bl-użu tat-teknoloġija tal-fabbrikazzjoni tal-filamenti.

Il-kunċett qed juża teknoloġija avvanzata tal-laser b’mod innovattiv billi japplika ‘preheating’ (tisħin) tas-saff ta’ fuq waqt l-istampar u dan iwassal għal prodott superjuri fl-oġġett stampat finali. B’hekk, bis-saħħa ta’ din it-teknologija, it-3D printing jista’ jintuża f'ħafna iktar affarijiet.

Dan il-proġett FUSION sar b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u kien iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). L-għan ta’ dan il-proġett ma kienx biss l-iżvilupp tal-prototip ta’ Modulu tat-Tisħin tal-Filament ibbażat fuq il-laser (LFHD), liema modulu kapaċi jżid l-adeżjoni bejn is-saffi tad-depożitu billi jsaħħan is-saffi estrużi, iżda wkoll jiżviluppa filamenti speċjali minn polimeri differenti, li jista’ jassorbi ħafna r-radjazzjoni tal-laser. B’dawn il-filamenti speċjali u t-tisħin minn qabel tal-laser, l-istampar isir b’aktar veloċità.

Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni għall-Istrateġija Wara Covid-19 Owen Bonnici indirizza dissemination event ta’ dan il-proġett fl-Esplora bl-isem ta’ FUSION National R&I: Laseer – Development of a 3D printing head with laser melting for printers using fused filament fabrication technology.

“Aħna sodisfatti bir-riżultati miksuba matul il-proġett u nemmnu li t-teknoloġija żviluppata se tiftaħ opportunitajiet ġodda fl-industrija”, qal il-Ministru Bonnici. Spjega kif dan juri l-importanza tal-investiment fl-R&I biex tiġġenera aktar ġid ekonomiku. Barra minn hekk, l-importanza tal-formazzjoni ta’ konsorzji bejn entitajiet pubbliċi u privati.

Huwa tajjeb ukoll li wieħed jinnota s-suċċess tal-programmi tal-MCST: fl-aħħar 5 snin taħt FUSION, ingħataw madwar 116-il proġett tal-Programm tal-Kummerċjalizzazzjoni (CVP) u 48 proġett tal-Programm tal-Iżvilupp tat-Teknoloġija (TDP).

Matul l-aħħar 5 snin, MCST amministrat madwar €11m għal proġetti bħal dawn taħt CVP u TDP, b’wieħed mill-benefiċjarji fil-fatt ikun il-proġett Laseer (li ngħata €194, 519).

“Aħna nirrikonoxxu l-importanza tal-pilastru tar-R&I fi ħdan l-ekonomija ta’ Malta u se nibqgħu għaddejjin f'dina d-direzzjoni. Il-proġett li qed jiġi promoss illum, kiseb b’suċċess ir-riżultati mwiegħda li għamel u wettaq passi notevoli fl-avvanz tat-teknoloġiji rilevanti li rriċerkaw”, qal il-Ministru Bonnici filwaqt li tenna li l-proġett kien wieħed multi-dixxiplinarju, li jinvolvi kompetenza industrijali fil-manifattura u riċerkaturi akkademiċi.

Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qal li, “jeħtieġ li Malta tibqa’ tinvesti fl-innovazzjoni sabiex tassigura li qed tilħaq il-ħtiġijiet tal-ekonomija tal-preżent - li hi kkaratterizzata minn tkabbir dinamiku. Għalhekk il-Kunsill kompla jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti innovattivi, bħal dak tal-consortium LAseeer, permezz ta’ programmi ta’ fondi bħal FUSION. Dan għamilha possibli li idea innovattiva li nibtebt minn dan il-consortium ġiet imwettqa b’suċċess”. Huwa żied jgħid li FUSION, il-programm ta’ fondi tal-R & I, huwa pjattaforma li jgħin lill-innovazzjoni sseħħ u jinkoraġġixxi kumpaniji u ċentri tar-riċerka jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom.


Ritratti: DOI Mario Mintoff

Comments


bottom of page