top of page

Hemm bżonn aktar ċentralizzazzjoni fil-funzjonijiet tal-gvern dwar l-indafa



Waqt diskors li għamel tul il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Indafa, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li hemm bżonn aktar ċentralizzazzjoni fil-funzjonijiet tal-gvern dwar l-indafa, fl-istess waqt li nħallu partijiet deċentralizzati lill-kunsilli lokali billi nagħtuhom aktar responsabbilità.


Dr Muscat qal dan fid-dawl li rrikonoxxa li hemm nuqqasijiet ta’ sistema min-naħa ċentrali li għalkemm mhumiex nuqqasijiet ta’ rieda, xorta waħda hemm ħafna x’jitjieb. Biex ikunu mtejba dawn in-nuqqasijiet, il-Prim Ministru tenna l-importanza ta’ aktar responsabbilitajiet fuq il-kunsilli lokali fil-partijiet li ma jkunux ċentralizzati mill-gvern.


Dr Joseph Muscat qal li fil-preżent hemm żewg punti ewlenin li jridu jkunu rikonoxxuti; il-livell ta’ kuxjenza dwar iż-żamma tal-indafa fil-pajjiż mill-ġenerazzjoni tal-lum u s-separazzjoni mandatorja tal-iskart organiku.


Il-Prim Ministru tkellem dwar id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni u qal li din tjiebet u kibret u qed tagħmel differenza.


Dwar il-kunsilli lokali, il-Prim Ministru qal li hemm bżonn ta’ iżjed serjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti u faħħar l-introduzzjoni tal-contract manager. Madankollu, qal li dan għadu biss il-bidu u hemm bżonn il-kooperazzjoni ta’ kulħadd. Il-Prim Ministru temm jgħid li l-konferenza trid tkompli mill-punt li jkunu indirizzati l-isfidi preżenti biex permezz ta’ dawk kollha involuti, jiġu superati.


Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “matul dawn l-aħħar snin ħdimna sfiq biex inkomplu nżidu l-edukazzjoni u l-għarfien dwar l-importanza tal-indafa. Aħna rridu li naħdmu flimkien biex nipprovdu spazji nodfa f’pajjiżna għaċ-ċittadini tagħna u lil dawk li jżuruna.”


Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li dan diġà qiegħed isir, madankollu huwa importanti li nkomplu naħdmu biex dejjem nimxu ’l quddiem. “Aħna rridu naħdmu biex dejjem noqorbu aktar lejn servizz ta’ eċċellenza. Irridu naħdmu biex inżidu l-frekwenzi u s-servizzi fuq bażi ta’ 24x7 minħabba li d-domanda għas-servizzi tat-tindif dejjem qiegħda tiżdied, speċjalment f’postijiet prominenti u popolari.” Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha preżenti, kif ukoll tax-xogħol importanti tagħhom. Hu appella biex inkomplu nisħqu fuq l-edukazzjoni fl-indafa u li dan il-gvern huwa impenjat biex isaħħaħ l-istandards ta’ kwalità għall-benefiċċju u l-effċjenza taċ-ċittadin.


Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis qal li l-kunsilli lokali għandhom rwol importanti fiż-żamma tal-indafa f’pajjiżna u huwa għalhekk li fil-budget għas-sena 2020 dawn ġew allokati fond ta’ madwar €21 miljun għall-ġbir u l-ġarr tal-iskart, għat-tindif tat-toroq urbani u anki dawk mhux urbani u għad-depositu tal-materjal.


Is-Segretarju Parlamentari qal li minkejja l-progress li qed isir għad fadal diversi diffikultajiet u huwa għalhekk li dan il-gvern huwa impenjat li jkompli joħloq miżuri u inizjattivi li jżidu l-indafa fil-lokalitajiet. Fost dawn, is-Segretarju Parlamentari semma d-Direttiva li ħarġet f’Awwissu li għadda mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li tobbliga li kull kunsill lokali jkollu contracts manager. Semma wkoll in-numru ta’ smart bins li se jingħataw lil diversi kunsilli lokali biex jitpoġġew f’postijiet pubbliċi, l-infurzar ambjentali, aktar dixxiplina u inizjattivi oħra li se jkomplu jqajmu iżjed kuxjenza dwar l-indafa. Is-Segretarju Parlamentari Parnis għalaq billi qal jekk ilkoll naħdmu flimkien se nwasslu sabiex għada jkollna pajjiż iżjed nadif mil-lum.


Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista enfasizza fuq l-importanza ta’ aktar edukazzjoni dwar l-indafa ta’ pajjiżna. “Jekk mhux se ninvestu iktar fl-edukazzjoni tal-pubbliku, ħa nkomplu nonfqu iktar fit-tindif u l-manteniment ta’ pajjiżna mingħajr ma naslu.” Id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni rċeviet madwar 25,000 ilment f’dawn l-aħħar erba’ snin li 96% minnhom ġew solvuti. Din id-diviżjoni timpjega madwar 500 ħaddiem li jwettqu xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni fiż-żoni responsabbiltà tal-gvern ċentrali. Tul dawn l-aħħar 4 snin, inġabru 98,000 tunnellata ta’ skart mormi llegalment.


Bejn 2015 u Ottubru 2019 ingħatat ukoll għajnuna kruċjali lill-kunsilli lokali f’xogħlijiet ta’ tindif li tammonta għal madwar €6.5 miljun. Huwa tkellem dwar investiment ta’ €1.5 miljun f’makkinarju li sar mill-gvern ċentrali. Huwa żied jgħid lis-suċċess li nkiseb sa issa kien possibbli permezz ta’ sinerġija bejn diversi entitajiet governattivi u privati, biss baqa’ ħafna xi jsir biex jintlaħqu l-miri pjanati. “Beħsiebna nwettqu l-bidla meħtieġa u nużaw l-mezzi kollha innovattivi biex nilħqu dan l-għan bl-għajnuna ta’ kulħadd,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Debattista.




Comments


bottom of page