top of page

Heritage Malta tiftaħ wirja fil-Forti Sant’ Anġlu li timmarka l-40 sena minn Jum il-Ħelsien



Heritage Malta, li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadha kif inawgurat wirja li timmarka l-40 sena minn Jum il-Ħelsien. ‘Behind Closed Doors’ li qed tittella’ fil-Forti Sant’Anġlu, se twassal rakkonti interessanti li seħħew f’dan il-post waqt l-okkupazzjoni tiegħu mill-Flotta Rjali bejn l-1906 u l-1979.


“Bħala pajjiż, għandna storja rikka li għandha parti intrinsika fl-identità tagħna tal-lum. Maż-żmien, it-tradizzjonijiet u l-passat ta’ pajjiżna ffurmaw is-soċjetà tagħna, u grazzi għal wirjiet ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nissottolienjaw il-miġja ta’ pajjiżna u fejn din wasslitna llum. Barra minn hekk, qegħdin insaħħu l-prodott kulturali lokali billi nipprovdu aktar attivitajiet relatati mal-wirt tagħna biex il-komunità tkun tista’ żżur u tapprezza,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt l-inawgurazzjoni.


Maħsuba biex toħloq esperjenza sħiħa, din il-wirja se tagħti l-opportunità lill-viżitaturi biex ‘jissieħbu’ mal-Flotta Rjali billi jagħżlu wieħed minn erba’ gradi ta’ kariga. Il-wirja se tkun mifruxa f’ħames partijiet tal-Forti Sant’Anġlu fejn il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesploraw u jiskopru l-istorja ta’ dan il-bini militari, flimkien mal-ħajja li kien hemm f’din il-forti waqt l-okkupazzjoni tiegħu mill-Flotta Rjali. Dan se jsir billi nħolqu mill-ġdid postijiet u sitwazzjonijiet ta’ dak il-perjodu, fosthom id-dormitorju, il-bar, u uniformijiet differenti li kienu jintużaw f’dak iż-żmien.


Filwaqt li l-wirja se tkun qed titratta l-użu navali ta’ din il-fortizza u t-tibdil arkitettoniku li sar fil-bini sabiex dan iservi għall-bżonnijiet ta’ dak iż-żmien, il-qalba ta’ dan l-avveniment se jiffoka fuq il-memorji personali. Fil-31 ta’ Marzu 1979, il-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu kien l-aħħar sit militari li ra t-tluq tal-Forzi Brittanniċi mill-gżejjer Maltin. Għal bosta sekli, din il-forti kienet dejjem amministrata mill-awtoritajiet barranin u b’hekk ftit li xejn kien hemm aċċess għall-Maltin. Bl-aċċess tagħha projbit għan-nies ċivili, u bi spazji limitati fejn in-nies tas-servizz, kemm Maltin kif ukoll Brittaniċi setgħu jidħlu, ftit kienu dawk l-individwi li qatt żaru l-forti kollu. Dawn l-esperjenzi, flimkien ma’ numru ta’ oġġetti personali li ngħataw b’donazzjoni riċentement lil Heritage Malta, se jitfgħu dawl fuq dak li kien qed iseħħ wara l-bibien magħluqa ta’ HMS St Angelo waqt l-okkupazzjoni tiegħu mill-Flotta Rjali.


Din il-wirja se tibqa’ miftuħa sat-8 ta’ Settembru 2019.



 

PR190591

Comments


bottom of page