top of page

Horizon Europe imnedija f’Malta



Horizon Europe imnedija f’Malta—ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huma fatturi kruċjali li se jmexxu l-futur tagħna – il-Ministru Bonnici

Iż-żieda qawwija fil-budget ta’ Horizon Europe, li llum jammonta għal €95.5 biljun, jagħti messaġġ politiku ċar f’livell Ewropew li r-riċerka u l-innovazzjoni huma fatturi kruċjali li se jmexxu l-futur tagħna.

Waqt li kien qed jitkellem dwar avveniment ta’ tnedija ta’ Horizon Europe f’Malta, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-COVID-19 Owen Bonnici qal li bla dubju Horizon Europe hu l-iktar programm ta’ fondi Ewropej ambizzjuż għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li qatt inħoloq u l-ikbar programm transnazzjonali fid-dinja kollha.

Il-Ministru Bonnici qal li l-importanza tar-Riċerka u l-Innovazzjoni qed tiġi riflessa f’livell nazzjonali bis-saħħa ta’ numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu, inkluż il-ħolqien ta’ ministeru ġdid iddedikat lir-Riċerka u l-Innovazzjoni, iż-żieda fil-budget tal-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li tmexxi l-MCST, u l-investiment fi sħubija Ewropea, u skemi oħrajn nazzjonali li tmexxi l-MCST bl-għan li żżid il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet Maltin f’Horizon Europe.

“Il-partiċipazzjoni attiva ta’ entitajiet u riċerkaturi Maltin fil-programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea se twassal għall-ħolqien ta’ swieq u impiegi f’Malta. Il-parteċipazzjoni Maltija se tattira wkoll l-aħjar talenti li jibqgħu f’Malta u oħrajn biex jingħaqdu magħhom, sew jekk riċerkaturi individwali jew kumpaniji ikbar biex iniedu d-dipartimenti tar-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni hawnhekk”, qal il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici qal li t-tnedija ta’ dan il-programm jimmarka l-bidu tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li se jgħin biex jissaħħu teknoloġiji li jagħmlu d-differenza u li allura se jwasslu għal innovazzjoni fundamentali, u dan bis-saħħa ta’ għajnuniet diretti lill-istart-ups u SMEs l-iktar innovattivi u li għandhom potenzjal. B’hekk se titfassal ġenerazzjoni ġdida ta’ kumpaniji li jmexxu lill-bqija ta’ kumpaniji l-oħra tad-dinja bbażati fl-Ewropa.

“Il-fatt li l-programm framework ta’ Riċerka u Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea Horizon Europe qed jipproponi dik li tissejjaħ ‘missions approach’ tista’ tgħin biex jitfasslu miri wiesa’ u ambizzjużi biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tista’ tgħin biex tikkonċilja t-tkabbir ekonomiku u l-produttività mal-kwalità tal-ħajja u s-saħħa pubblika, waqt li nassiguraw l-aħjar livell ta’ protezzjoni ambjentali”, qal il-Ministru Bonnici.

Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando, stqarr li hemm evidenza għall-importanza tas-settur tar-Riċerka u l-Innnovazzjoni f’Malta hekk kif matul is-snin ġiet innutata żieda fil-pateċipazzjoni.



Comments


bottom of page