top of page

Iċċelebrat it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali




Il-Ġimgħa filgħaxija, f’ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta, tfakkar it-tletin anniversarju mit-twaqqif ta’ gvernijiet lokali fil-gżejjer Maltin. Kien it-30 ta’ Ġunju tal-1993 li nħareġ Att numru 15, 767, b’liġi mill-Parlament ta’ Malta biex tipprovdi t-twaqqif tal-kunsilli lokali f’Malta u f’Għawdex. Il-quddiesa ta’ radd il-ħajr ġiet iċċelebrata mill-Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. Għal din il-quddiesa kien hemm preżenti l-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella. Fil-bidu tal-quddiesa, bħala sinjal simboliku l-Presidenti Reġjonali poġġew il-bnadar tar-reġjuni rispettivi tagħhom fuq il-kanċell.


F’diskors tal-okkażjoni, il-President ta’ Malta George Vella radd ħajr lill-kunsilli lokali li sa mit-twaqqif tagħhom tletin sena ilu kienu u għadhom punt ta’ referenza uniku fil-komunitajiet tagħna.


Il-President Vella rrimarka li l-kunsilli lokali għexu t-tibdil kbir li għaddiet minnu s-soċjetà Maltija flimkien maċ-ċittadini u r-residenti. “Minkejja dan kollu, il-kunsilli lokali kienu u baqgħu l-ewwel post fejn iċ-ċittadin jirrikorri biex iħares it-tisħiħ u t-tisbiħ tal-lokalità tiegħu, iż-żamma tal-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet lokali l-oħra. Għall-funzjonijiet li qdejtu u għas-servizz li tajtu tul dawn is-snin, xieraq li llum, f’isem il-Poplu Malti u Għawdxi kollu, inwasslulkom ringrazzjament kbir,” qal il-President. Il-kunsilli lokali, żied jgħid il-President, għandhom funzjoni ewlenija biex tkompli tissaħħaħ l-għaqda f’Malta u f’Għawdex, u din għandha tinkludi wkoll lir-residenti barranin. Ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex ikomplu jaħdmu biex bħalma rnexxielhom jagħmlu s’issa, jagħtu prova li d-devozzjoni ta’ ċertu aspetti tal-amministrazzjoni pubblika, mill-gvern ċentrali għall-awtoritajiet lokali, ħalliet riżultati pożittivi, u tkompli tkun fl-aħjar interess taċ-ċittadini.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif proprju 30 sena ilu tressqet fil-Parlament liġi storika li permezz tagħha diversi responsabbiltajiet li kellu l-gvern ċentrali ġew diċentralizzati fil-livell ta’ gvern lokali. Il-Ministru Bonnici temm jgħid li din hi attività ta’ ċelebrazzjoni li kull min qiegħed jaħdem fil-qasam tal-gvern lokali għandu jifraħ u jħossu kburi. Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li għal dawn l-aħħar 30 sena, il-kunsilli lokali ħadmu u servew viċin ir-residenti, irrispettivament mill-isfidi u l-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħhom. “Madankollu, il-kunsilli lokali jeħtiġilhom li jaddattaw maż-żminijiet, jaħdmu fi strutturi b’saħħithom u bl-għodda meħtieġa sabiex ikomplu jaqdu l-irwol tagħhom fil-komunitajiet tagħna”, saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Is-Segretarju Parlamentari għamlet referenza għall-Viżjoni Staretġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali u qalet li din hija għodda ġdida li ser tkompli ġġedded il-qasam tal-gvern lokali.












Comments


bottom of page