Id-Duka u d-Dukessa ta’ Edinburgh, akkumpanjati mill-Ministru Owen Bonnici, żaru għadd ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna.
Fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, li fih sar xogħol estensiv ta’ restawr, id-Duka u d-Dukessa apprezzaw is-sbuħija ta’ dan is-sit li jinsab fl-eks Royal Naval Bakery, li kien inbena fl-1840 bħala l-forn ewlieni għall-Flotta tal-Mediterran.
Fil-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, fil-Belt Valletta, il-koppja rjali raw parti mill-Kollezzjoni Nazzjonali ta’ Malta, li fiha aktar minn 15,000 xogħol tal-arti u artefatti.
Fil-Forti Sant’Iermu, fil-Belt Valletta, id-Duka u d-Dukessa żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra. Dan il-mużew jinkludi artefatti notevoli bħall-George Cross li kien ġie ppremjat lil Malta u lill-Maltin. Waqt din iż-żjara, ġie inawgurat il-Passaġġ tas-Submarine. Dan kien maħluq minn Heritage Malta biex jikkommemora s-submarines li kienu bbażati jew marbuta ma’ Malta u li ntilfu fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-koppja rjali żaru wkoll Villa Guardamangia, li fiha kienet għexet ir-Reġina Eliżabetta II bejn l-1949 u l-1951, qabel saret ir-Reġina tar-Renju Unit. Id-Duka ta’ Edinburgh huwa l-iżgħar wild tar-Reġina Eliżabetta II u l-Prinċep Filippu.
Żjara oħra saret fil-Bibljoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta, li hija waħda mit-teżori ewlenin tal-Gżejjer Maltin, li tippreserva l-memorja tan-nazzjon b’kollezzjonijiet li jkopru s-sekli minn żminijiet medjevali sal-era diġitali.
Il-Ministru Owen Bonnici wera l-apprezzament tiegħu għaż-żjara tal-koppja rjali f’pajjiżna u l-interess tagħhom fil-wirt nazzjonali ta’ Malta. Huwa qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Renju Unit minn dejjem kienu speċjali u komplew jissaħħu matul is-snin. Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi qal kif l-indipendenza ta’ pajjiżna ma fissritx it-tmiem tal-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi iżda saħħet l-apprezzament taż-żewġ stati fis-sovranità ta’ xulxin u l-irwol importanti taż-żewġ pajjiżi kemm fl-Ewropa kif ukoll fil-Mediterran.
Comments