Iffirmar ta’ ftehim bl-intenzjoni li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi ta’ adolexxenti li qed jaffaċċjaw użu problematiku ta’ sustanzi
Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol (MEDE) u l-Fondazzjoni għar-Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Jabbużaw mid-Droga - Caritas Malta (FRDA)
Dan id-dokument jiddefinixxi u jikkomunika dettalji ta’ ftehim dwar termini, responsabbiltajiet, u rekwiżiti relatati mal-kollaborazzjoni bejn il-partijiet, f’termini tal-għoti tas-servizz fil-Caritas tal-Ibwar Adolescents Therapeutic Services (CIATS) speċjalment fir-rigward tal-Learning Hub fi ħdan CIATS.
Dan il-ftehim jirrifletti r-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ partijiet u l-intenzjoni komuni li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi ta’ adolexxenti li qed jaffaċċjaw użu problematiku ta’ sustanzi, li se jkunu qed jaċċessaw servizzi terapewtiċi fuq bażi residenzjali jew kura ta' kuljum fis-CIATS.
Il-ħtieġa għal servizzi professjonali u speċjalizzati mmirati għall-adolexxenti ġiet innotata mill-Bord Konsultattiv dwar il-Vizzji Nazzjonali (2015) wara analiżi fil-fond ta’ liema servizzi f’Malta u Għawdex huma offruti bħalissa għall-etajiet ta’ bejn 12 u 17 meta jesperjenzaw sfidi serji bl-użu ta’ sustanzi.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici spjega: “Il-kollaborazzjoni u l-appoġġ mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jirrifletti l-impenn tagħna biex nipprovdu lil uliedna u ulied uliedna bil-ħiliet u t-talenti meħtieġa għaċ-ċittadinanza u l-impjegabbiltà. It-tfal tagħna għandhom bżonn jiżviluppaw il-potenzjal personali u soċjali tagħhom u jakkwistaw l-għarfien xieraq, il-ħiliet ewlenin, il-kompetenzi u l-attitudnijiet permezz ta’ formazzjoni orjentata lejn il-valur li tinkludi l-ekwità, il-ġustizzja soċjali, id-diversità u l-inklussività.”
Il-Ministru Bonnici kompla billi qal: “Fid-dawl tal-provvediment edukattiv, il-Kap taċ-Ċentru tat-Tagħlim fis-CIATS flimkien ma’ professjonisti rilevanti, se jippjana programm edukattiv individwalizzat (IEP). L-IEP huwa meqjus bħala aspett integrali tal-pjan ġenerali tal-kura sabiex tkun żgurata kontinwazzjoni tal-vjaġġ edukattiv għal kull student.”
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dan il-ftehim se jkun qed iħaddem programmi inovattivi, fejn mhux biss jipprovdu riforma għall-adoloxxenti bi problema ta’ droga, iżda fl-istess ħin ilaħħqu mal-kumplament ta’ sħabhom, kemm jekk hux fuq livell edukattiv jew inkella fid-dinja tax-xogħol.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi dan il-mudell għandu jkun t’eżempju għal mudelli oħra ta’ sistemi ta’ rijabilitazzjoni, mhux biss fejn jidħol użu ta’ sustanzi.
Il-programm edukattiv fis-CIATS għall-adolexxenti ta’ bejn it-12 u s-17-il sena se jkun akkreditat mid-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni (DQSE).
Comments