L-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-kumpanija Ancestry iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni li ser iwassal biex l-Arkivji Nazzjonali jkunu f’pożizzjoni li joffru bla ħlas il-possibbiltà ta’ riċerka ġeneoloġika f’waħda mill-akbar databases mondjali tal-ġenealoġija.
Iċ-ċeremonja tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici. Huwa qal li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se jkun iktar faċli biex wieħed jibni l-arblu tar-razza tal-familja permezz ta’ aċċess b’xejn lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta għad-database mondjali ta’ Ancestry li s’issa fiha 40 biljun rekord minn 80 pajjiż.
Il-Ministru Bonnici feraħ lill-Arkivji Nazzjonali ta’ din il-ħidma fejn se jkunu qed joffru servizz tal-ogħla kwalità fir-riċerka ġeneoloġika u awgura li dan is-servizz ikompli jitwessa’ u jsaħħaħ il-kontribut tal-Arkivji Nazzjonali fil-ħarsien tal-memorja nazzjonali.
L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia spjega kif erba’ snin ilu l-Arkivji Nazzjonali akkwistaw il-Ġuljana Letard Ciantar. Il-Ġuljana hija l-għodda bażika fir-riċerka ġeneoloġika u tikkonsisti f’ġabra ta’ notamenti dwar twelid, żwiġijiet u mwiet. Spjega kif mal-ewwel l-Arkivji Nazzjonali bdew ix-xogħol meħtieġ ta’ konservazzjoni u preservazzjoni, kif ukoll il-katalogar ta’ din il-kollezzjoni fejn imbagħad infetħet għar-riċerka.
Huwa kompla jispjega li matul dan iż-żmien, l-Arkivji Nazzjonali bdew jiddiskutu ma’ Ancestry, waħda mill-akbar kumpaniji mondjali fil-qasam ġeneoloġika, kif jista’ jkun żviluppat l-aċċess u l-użu ta’ dawn id-dokumenti. Din il-kumpanija, li hija reġistrata Malta, diġà għandha ftehim ma’ għadd ta’ Arkivji Nazzjonali ewlenin inkluż ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Ġermanja, il-Kanada, id-Danimarka, l-Awstralja u oħrajn.
Il-ftehim iffirmat dalgħodu ser iwassal biex Ancestry toħloq kopja diġitali tal-Ġuljana Letard Ciantar kif ukoll indiċi a spejjeż tagħha li se jgħaddu għand l-Arkivji Nazzjonali waqt li l-Ġuljana se tibqa’ proprjetà tal-Arkivji. Dan il-ftehim ser iwassal għal numru ta’ benefiċċji li jinkludu li din il-Ġuljana tiġi inkluża fi struttura mondjali ta’ riċerka ġeneoloġika.
Comentarios