top of page

Iktar kumpaniji Maltin juru kif ir-riċerka u l-innovazzjoni jwasslu għal ħolqien ġdid ta’ ġid




L-użu prattiku tar-riċerka jiġi mill-fatt li ċertu innovazzjoni u għarfien ġdid jista’ imbagħad jiġi kkommerċjalizzat ma’ diversi kumpaniji lokali u internazzjonali. Dan iwassal mhux biss li l-konsumatur finalment igawdi minn livell ta’ ħajja aħjar u iktar komda, imma anke għall-ħolqien ta’ ġid ġdid u karrieri b’saħħithom għal min jixtieq iterraq f’dan is-settur.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ko-ordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici żar waħda minn dawn il-kumpaniji bbażati f’Malta, il-kumpanija HandsOn Systems, li xogħolhom hu li jagħmlu riċerka li twassal għal innovazzjonijiet li mbagħad jiġu kummerċjalizzati. Din il-kumpanija għamlet ukoll riċerka bħala parti minn proġetti ffinanzjati mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija bħal, per eżempju l-proġett SATMET li kellu l-għan li jsib sistemi iktar effiċjenti f’parti mill-proċedura li tintuża fil-qasam tal-avvjazzjoni.

Tkellimna mal-Ministru Dr Bonnici dwar din iż-żjara u x’deherlu minn din il-ħidma.

“Il-Kumpanija HandsOn Systems hija kumpanija lokali li tinsab fil-Mosta Techno Park li twaqqfet 10 snin ilu,” qalilna Dr Bonnici. Huwa spjega li din il-kumpanija matul is-snin espandiet fuq skala internazzjonali fejn tispeċjalizza fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet marbuta ma’ l-ahhar teknologiji.

Wieħed mill-eżempji tat-teknoloġiji li din il-kumpanija tuża hija dik li tissejjaħ l-Internet tal-Oggetti fejn oġġetti jkun fihom l-Internet. B’dan il-mod, imbagħad, għax oġġett ikun fih l-internet wieħed ikun jista’ jagħmel tracking tiegħu. Fuq dan il-kunċett ġew żviluppati soluzzjonijiet godda minn din il-kumpanija bħal per eżempju, GPS Tracking, Fleet Management u RFID Asset Tracking.

“Rajt għalhekk li din il-kumpanija rebħet kuntratt li żżomm tracking tal-karozzi tal-linja kollha fi Sqallija,” spjega Dr Bonnici u qal li dan hu eżempju ċar ta’ kif bir-riċerka tagħha stess din il-kumpanija għamlet prodott li mbagħad ġie kkomerċjalizzat f’dan il-każ barra minn Malta.

Jakkumpanja lil Dr Bonnici f’din iż-żjara kien hemm is-CEO tal-kumpanija Geoffrey Farrugia li wrieh il-proċess tar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) li jsir minn din il-kumpanija biex twassal riżultati finali li mbaghad jintużaw f’soluzzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd.

“Is-suċċess ta’ HandsOn Systems huwa evidenti tant li anke fetħu suq u uffiċji reġjonali f’diversi nħawi madwar id-dinja fosthom l-Italja, l-Afrika, il-Lvant Nofsani, l-Awstralja u l-Amerika t’Isfel,” qal Dr Bonnici u spjega li bhala Maltin ghandna nhossuna kburin li kumpaniji Maltin u bbazati f’Malta qed jaghmlu dan is-success frott ir-ricerka u l-innovazzjoni. Ġie spjegat lill-Ministru Bonnici li permezz tal-internazzjonalizzazzjoni u l-esperjenza fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għas-setturi tat-trasport u l-loġistika. HandsOn Systems bħalissa qed tagħmel riċerka f’dawn l-oqsma: teknologiji fejn jidhlu karozzi li jaħdmu bl-elettriku, teknoloġiji fejn jidħlu karozzi li jinstaqu mingħajr użu ta’ bnedmin li jsuquhom u teknologiji fuq oġġetti li jkun fihom l-internet.

Din il-kumpanija timpjega mal-40 persuna li l-maġġoranza tagħhom huma riċerkaturi u l-portafoll ta’ klijenti internazzjonali tagħhom huwa wieħed kbir u jawgura tajjeb ħafna għall-futur.

“Dawn is-sistemi ġodda li jinħolqu finalment għandhom l-għan li jagħmlu l-ħajja tal-konsumaturi aħjar,” qal il-Ministru Bonnici. Ta xi eżempji. Wieħed minnhom hu li b’teknoloġija li ġiet żilvuppata l-kumpanija tkun taf fejn qed jinġema’ t-traffiku u b’hekk din tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-konġestjonijiet tat-traffiku f’ħinijiet diversi u tittiehed azzjoni biex ikunu evitati problemi żejda għas-sewwieqa.

Teknoloġija oħra li ġiet żviluppata hi waħda li biha xi ħadd li għandu awtorità eżekuttiva tal-osservanza tal-liġi jista’ waqt ronda mingħajr ma jinżel mill-vettura tiegħu u joqgħod jiċċekkja n-numri tar-reġistrazzjoni minflok juza sensor apposta jimmarkala liema vetturi huma konformi u dawk li m’humiex. Dan hu progress kbir li jtejjeb il-produttività f’livelli differenti.

Teknoloġija oħra avvanzata hija dik relatata maċ-ċilindri tal-gas fejn permezz ta’ sistema sonari, wieħed ikun jaf f’liema livell wasal il-kontenitur tal-gas (ċilindru) u meta hemm ħtieġa li jinbidel. Din tintuża ħafna minn kumpaniji industrijali imma hemm il-ħsieb li tkun ukoll ghall-użu fid-djar tan-nies. Eżempju ieħor ta’ innovazzjoni li twieldet frott ir-riċerka li wettqet din il-kumpanija huwa dak li jissejjaħ Tags with RFID (Radio Frequency Identification) fejn permezz ta’ tags li jitwaħħlu mal-oġġetti, tkun taf fejn qegħdin dawk l-oġġetti li tkun waħħalt it-tag magħhom.

“Dawn jintużaw f’bosta entitajiet bħal sptarijiet u anke lukandi,” qal il-Ministru Bonnici u spjega kif din hi innovazzjoni li tagħmel sens ekonomiku u se twassal għal esperjenza aħjar għall-klijenti biex jaghmlu uzu minn ċerti servizzi.

L-użu ta’ dawn it-tags RFID huwa bla limitu. Spiss, per eżempju, ikun hemm serq ta’ oġġetti minn lukandi anke bjankeriji iżda permezz ta’ dawn it-tags, din tkun solvuta għaliex ikunu traċċati.

Dawn it-tags jintużaw ukoll fuq materja akbar bħal fl-industrija tal-manifattura, trasport u loġistika.

“Malta uriet li hija l-bażi fejn din it-teknoloġija tkun maħluqa ittestjata, u ddistribwita lil klijenti diversi. Dan mhux b’kumbinazzjoni imma nemmnu li pajjiżna għandu l-ingredjenti kollha meħtieġa biex iktar kumpaniji bbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu jistgħu joperaw minn pajjiżna,” qal il-Ministru Bonnici.

Waqt iż-żjara, issemma wkoll il-proġett ta’ riċerka li sar grazzi għall-fondi mill-MCST b’kollaborazzjoni mal-Istitut Teknoloġiku Spazjali (Aerospace) fi ħdan l-Università ta’ Malta fejn il-kumpanija HandsOn nediet riċerka estensiva fuq il-possibbilità tal-implimentazzjoni ta’ transport mingħajr magna (engineless taxiing solution) ibbażata fuq tow trucks awtonomi fil-qasam tal-avjazzjoni. Din it-tip ta’ teknoloġija tiffranka ħafna flus fir-rigward ta’ fjuwil li attwalment, tkun qed tikkontribwixxi għal ambjent aħjar u aktar nadif.

“Aħna nemmnu ħafna li s-settur privat għandu rwol kruċjali biex inkomplu mmexxu 'l quddiem ir-riċerka u l-innovazzjoni f'pajjiżna, għaliex is-settur privat huwa dak illi joħloq l-innovazzjoni, ir-riċerka u jikkomerċjalizzaha,” qal Dr Bonnici.

“B'hekk jinħolqu impiegi u karrieri ġodda, jitkattar il-ġid u ngawdu minn soluzzjonijiet ġodda li jagħmlu ħajjitna aħjar. Din il-kumpanija, tirriċerka u toħroġ b’innovazzjonijiet skont l-aħħar teknoloġiji fuq oqsma kruċjali bħas-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà u t-trasport. Hija kumpanija li tgħolli isem il-pajjiż,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Huwa temm jgħid li l-Gvern se jkompli jaħdem id f’id mar-riċerkaturi kemm fid-dinja akkademika u dik tal-intraprizi biex jinħolqu soluzzjonijiet u innovazzjonijiet li jkomplu jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ kulħadd.


Comments


bottom of page