Tnieda uffiċjalment portal ġdid bl-isem http://teleskola.mt, li hu mimli b’iktar minn 1,000 lezzjoni u attività għall-istudenti kollha mis-snin bikrin sa tmiem is-sekondarja.
L-għan tal-portal hu li jagħmilha faċli għall-istudenti, għall-ġenituri u għall-għalliema biex isibu lezzjonijiet ta’ kull sena skolastika u ta’ kull suġġett b’mod faċli ħafna. Il-proċess jinkludi li l-ewwel wieħed jagħżel il-livell, imbagħad jagħżel is-sena u fl-aħħar nett jagħżel is-suġġett li jixtieq biex isib il-lezzjonijiet adattati għalih.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Il-ministeru mill-ewwel ġurnata tal-għeluq temporanju tal-iskejjel ra li jqiegħed riżorsi online sabiex l-istudenti u l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom bl-iktar mod faċli. Issa qed noffru prodott aħjar, kemm mil-lat ta’ faċilitajiet interattivi u iktar u iktar mil-lat ta’ kontenut, u kien għalhekk li ġie maħluq teleskola.mt”.
Il-portal fih materjal adattat għat-tfal tal-kinder, għall-istudenti tal-primarja, tal-medja u tas-sekondarja, f’kull suġġett. Wieħed ikun jista’ wkoll iħalli l-kumment tiegħu ħdejn kull lezzjoni sabiex jikkomunika mal-għalliema. Il-portal fih minjiera ta’ tagħlim u ta’ riżorsi marbutin mas-sillabi li jintużaw fl-iskejjel tagħna kollha, tal-Istat, tal-Knisja u l-indipendenti.
Il-Ministru Bonnici qal li l-ġenituri bi tfal li jbatu mid-dislessija jistgħu jużaw il-portal sabiex jikkomunikaw ma’ esperti biex jagħtuhom l-għajnuna fit-tagħlim ta’ uliedhom. Il-portal fih ukoll l-għodda kollha meħtieġa sabiex l-istudenti, il-ġenitur jew l-għalliem jikkomunikaw faċilment b’mod diġitali.
Il-ministru rringrazzja lil dawk l-edukaturi li bis-saħħa tal-ħidma u tad-dedikazzjoni tagħhom tfassal, inħoloq u ntela’ dan il-portal, b’riżorsi adattati għall-istudenti Maltin. Permezz ta’ dan il-portal, uffiċjali edukattivi, kapijiet tad-Dipartment u l-għalliema qegħdin għall-ewwel darba jaqsmu r-riżorsi tagħhom mal-istudenti kollha.
Il-portal se jkun wieħed attiv li jinbidel ta’ spiss u li jikber bl-għajnuna ta’ ħafna edukaturi li għandhom għal qalbhom it-tagħlim ta’ uliedna.
Comments