top of page

Il-Belt Valletta lesta għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fi Pjazza San Ġorġ



Il-palk ġewwa Pjazza San Ġorġ jinsab lest biex jilqa’ wieħed mill-iktar avvenimenti mistennija fil-kalendarju lokali: iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta.


Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar l-aħħar preparamenti fi Pjazza San Ġorġ u stqarr li avvenimenti bħal dawn huma essenzjali minħabba li jagħtuna aktar opportunitajiet ta’ unità fi ħdan il-komunitajiet tagħna. “Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet saru avveniment intrinsiku għall-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna u huma mistennija minn ħafna membri tal-pubbliku. Huma jservu wkoll bħala pjattaforma siewja għall-artisti lokali biex inkomplu nsaħħu x-xena kulturali lokali,” qal il-Ministru Owen Bonnici.


Ma tonqosx il-parteċipazzjoni ta’ uħud mill-ikbar artisti lokali, fosthom il-band Ozzy Lino and the Candy Moths, u spettaklu mill-artisti Kevin Paul, Gaia Cauchi u Kurt Calleja. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jilħqu l-quċċata b’kunċert live minn The Travellers li se joffru divertiment bil-ħoss uniku tagħhom, u jiġu fi tmiemhom b’taħlita ta’ mużika enerġetika minn DJ Drey.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li “Dan huwa wieħed mill-iktar avvenimenti mistennija ġewwa l-Belt Valletta bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li se tkun qed tniedi l-programm il-ġdid tagħha iktar kmieni s-sena d-dieħla b’investiment ta’ 3.5 miljun ewro.”


Il-preżentaturi ta’ Vibe FM Nate, Frank u Rossi se jkunu qed imexxu s-serata, u flimkien mal-udjenza se jilqgħu s-sena l-ġdida b’taħlita ta’ kanzunetti popolari mill-2019, fl-isfond ta’ spettaklu ta’ effetti speċjali u nar tal-ajru.


Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jagħmel użu mis-servizz tat-trasport pubbliku li se jibqa’ jopera sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Dan jinkludi wkoll it-trasport bil-baħar, minn u lejn il-Belt Valletta. Il-Park and Ride tal-Furjana se jibqa’ għaddej sas-2:00 nhar l-1 ta’ Jannar.



Comments


bottom of page