top of page

IL-FESTA MALTIJA

Kitba meħuda mill-gazzetta ‘KullHadd’ (Il-Ħadd, 12 ta` Marzu, 2023) paġna numru 13.



Il-festa Maltija hija unika, u dak li jagħmilha unika huwa l-fatt li kull festa f’Malta u f’Għawdex għandha dik il-karatteristika jew tradizzjoni li tiddistingwiha minn oħra. Għaldaqstant, dawn il-karatteristiċi rridu nsaħħuhom bl-aħjar mod possibbli. Ħadd ma jista’ jiċħad li l-festi Maltin huma element importanti tal-identità Maltija. Il-barranin li jżuruna jogħxew wara dawn iċ-ċelebrazzjonijiet imlewna u spettakolari, li qajla jaraw bħalhom fi mkejjen oħra. Għalhekk, bħala Gvern nemmnu li għandu jingħata appoġġ assolut lill-għaqdiet li jippromwovu tradizzjonijiet lokali relatati mal-festi. Bħalma diġà għidt diversi darbi u nerġa’ nistqarr, il-kultura u l-arti qegħdin madwarna l-ħin kollu, fit-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna, fil-manifattura u l-artiġjanat, kif ukoll fil-festi u l-ħajja fil-każini; komponenti diversi li jagħmlu parti min-nisġa tal-wirt kulturali Malti. Hija l-kultura li tagħmilna Maltin, mhux il-passaport jew xi karta oħra. Mill-kliem aħna ngħaddu għall-fatti. Din il-ġimgħa, għas-sena 2023, ħabbarna tliet skemi ta’ finanzjament immirati lejn il-wirt artistiku, speċifikament għall-festi Maltin, li ħa jammontaw għal investiment ta’ madwar nofs miljun ewro (€500,000). It-tliet skemi ta’ finanzjament: il-Fond għal Aktar Saħħa u Sigurtà fil-Kmamar tan-Nar; l-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi; u l-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda, huma mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti, bl-aħħar waħda b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda. Inizjattivi bħal dawn jiffurmaw parti essenzjali mit-tisħiħ tat-tradizzjonijiet lokali tagħna għax b’hekk inkomplu ntejbu l-aċċessibbiltà fis-settur. Programmi bħal dawn huwa bżonjużi għaliex juru l-importanza tal-isfumaturi tal-kultura lokali fil-komunità biex inkomplu nibnu fuq il-passat u ninvestu fil-futur ta’ dawn it-tradizzjonijiet. Qed niżguraw li nitfgħu dawl fuq l-operat u nissostanzjaw l-importanza li l-każini tal-banda, il-kmamar tan-nar, u l-assoċjazzjonijiet tal-festa għandhom fil-komunitajiet tagħna.


Ħafna żgħażagħ u tfal ikollhom l-ewwel esperjenza tagħhom fl-arti u l-kultura permezz tal-festi, u għalhekk huwa essenzjali li nkomplu nrawmu dan is-settur. Apparti minn hekk, dawn iwasslu wkoll għal bosta esperjenzi diversi relatati mat-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna, b’mod li jkun hemm ukoll lok ta’ innovazzjoni u tiġdid bħala parti mill-progress u l-immodernizzar tas-settur.


Programmi bħal dawn jgħinu biex inpoġġu fuq pjattaforma ikbar l-importanza tat-tessut kulturali lokali, hekk kif inkomplu nibnu fuq il-passat biex ninvestu fil-futur ta’ dan il-wirt.


L-Iskema Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda ġiet imnedija fl-2018 u hi mmexxija mill-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.


Din hija l-ħames edizzjoni ta’ dan il-fond, b’total ta’ €160,000 disponibbli għall-2023. Dan se jipprovdi massimu ta’ €6,750 għal kull organizzazzjoni volontarja li tapplika taħt Kategorija A u massimu ta’ €10,800 għal kull orgranizzazzjoni volontarja li tapplika taħt Kategorija B.


Dan il-fond għandu l-għan li jagħti appoġġ lil numru ta’ inizjattivi proposti mill-każini tal-banda peress li dawn għandhom rwol essenzjali fil-komunitajiet tagħna u jservu bħala wieħed mill-punti primarji għall-introduzzjoni fid-dinja tal-arti.


L-2018 kienet rat ukoll it-tnedija tal-Fond għal Aktar Saħħa u Sigurtà fil-Kmamar tan-Nar li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kmamar tan-nar li joperaw fuq bażi volontarja, b’ħafna pirotekniċi ta’ kull età li jaħdmu sigħat sħaħ għall-festi tradizzjonali tant maħbuba tagħna, sabiex ikollhom postijiet aktar effiċjenti u siguri.


L-għan ta’ dan il-fond hu li jiffaċilita l-investiment sabiex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ dawn il-kmamar tan-nar sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent li joffri aktar kenn u inqas periklu.


Is-sitt edizzjoni ta’ dan il-fond għandha allokazzjoni ta’ €170,000 u se tipprovdi ammont massimu ta’ €5,000 lill-kmamar tan-nar magħżula. Is-sejħa tinsab miftuħa, bid-data tal-għeluq tkun dik tal-21 ta’ Marzu 2023, f’nofsinhar.


L-aktar skema riċenti maħsuba għall-wirt artistiku hija dik tal-Iskema ta’ Finanzjament Artistiku għall-Għaqdiet tal-Armar tal-Festi. Imnedija fl-2020, l-iskema tirrikonoxxi l-importanza tal-assoċjazzjonijiet tat-tiżjin tal-festi, assoċjazzjonijiet kulturali, u assoċjazzjonijiet soċjali li jaħdmu b’mod volontarju biex iħaddnu, jipproteġu, u jsaħħu t-tradizzjonijiet kulturali ta’ pajjiżna. Għal din ir-raba’ edizzjoni, il-fond ħa jkollu baġit ta’ €140,000 u jipprovdi sa massimu ta’ €10,000 għal kull organizzazzjoni volontarja li tapplika.


Dawn huma ftit mill-ħafna miżuri li l-Gvern qiegħed jimplimenta fil-preżent għall-ġid tal-wirt kulturali u artistiku f’pajjiżna sabiex ikompli jitgawda miċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u joffri lok ta’ attrazzjoni turistika.


Fil-futur se nkomplu naħdmu sabiex inkomplu niżguraw li dan is-settur tant importanti jkompli jitkattar dejjem aktar għall-ġid ta’ dawk kollha li jaħdmu fl-industrija u għall-ġid komuni.



Comments


bottom of page