L-aktar ekonomiji ta’ suċċess madwar id-dinja huma kkaratterizzati minn livelli għoljin ta’ riċerka u innovazzjoni. Din mhiex b’koinċidenza. L-ekonomiji li jinvestu fir-Riċerka u l-Innovazzjoni jigwadanjaw benefiċċji kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali.
Tkellimna mal-Ministru l-ġdid tas-settur, Dr Owen Bonnici. Saqsejnieh kif iħares lejn dawn is-setturi.
“Meta wieħed iħares lejn Malta,” qalilna l-Ministru Bonnici, "huwa ġust li wieħed jgħid li pajjiżna m’għandux tradizzjoni twila ta’ investiment fir-Riċerka u l-Innovazzjoni. L-ekonomija Maltija, tradizzjonalment, hi mibnija fuq is-setturi tal-manifattura, turiżmu u kummerċ. Magħhom dan l-aħħar żdiedu s-setturi tal-gaming u servizzi finanzjarji. Huwa minnu li kawża tal-pandemija COVID-19, diversi setturi ekonomiċi f’Malta, ħadu daqqa ta’ ħarta, iżda l-istess ħin il-pandemija uriet ukoll kif l-Innovazzjoni hija dejjem importanti, però fi żmien ta’ kriżi, din tkun kruċjali u l-għarfien ibbażat fuq l-evidenza xjentifika, huwa essenzjali fit-tfassil tal-politika.”
Huwa qal li f’dan l-isfond huwa l-mument opportun sabiex Malta jkollha Ministeru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għax dawn huma ċ-ċavetta għat-tkabbir u prosperità tal-ġejjieni tal-pajjiż.
“Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li r-Riċerka u l-Innovazzjoni mhumiex settur ekonomiku fihom infushom, iżda huma mifruxa fis-setturi ekonomiċi kollha, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk tradizzjonali, bil-għan li jsostnu t-tkabbir ekonomiku u t-tisħieħ tal-benesseri nazzjonali. Permezz tal-ħolqien ta’ dan il-Ministeru, Malta qed taħdem biex l-għarfien ikun il-bażi tas-soċjetà u l-ekonomija tagħha. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni mhumiex se jkunu pilastru ekonomiku fihom infushom iżda għandhom il-kapaċità li jsaħħu s-setturi ekonomiċi kollha. Dan jagħmluh billi jippermettu lis-setturi ekonomiċi jaddattaw u jikbru skont iċ-ċirkustanzi tal-mument. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jsaħħu l-qafas soċjali billi jipprovdu l-għarfien dwar il-ħtiġijiet soċjali u konsegwentament il-miżuri li għandhom jittieħdu ħalli jintlaħqu dawn l-istess ħtiġiet,” saħaq il-Ministru Bonnici.
Dr Bonnici spjega li l-COVID-19 ġabet taqlib u inċertezzi. “Kienu u għadhom żminijiet diffiċli għal kulħadd. Biex Malta toħroġ aktar b’saħħitha u reżiljenti minn din il-kriżi, jeħtieġ li tagħmel użu mil-lezzjonijiet miksuba. L-affarijiet ma jistgħux imorru lura għalli kienu qabel. Wara din il-pandemija, irid jitfassal ġejjieni ġdid. L-għarfien miksub, isejjaħ biex ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jiffurmaw parti integrali mill- istrateġija għal wara l-COVID-19 fi ħdan l-istess Ministeru. Dan jitlob bidla fil-ħsieb u kollaborazzjoni sħiħa bejn il-Ministeri kollha. Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandhom irwol importanti fl-ekonomija Maltija ta’ wara l-COVID-19,” qal il-Ministru Bonnici.
Kulħadd jaqbel li għandu jkun hemm tkabbir ekonomiku, iżda wieħed irid jara x’forma se jieħu dan it-tkabbir?
“Il-benesseri tal-poplu għandu jkun fiċ-ċentru ta’ dan it-tkabbir. Hekk ukoll dan it-tkabbir għandu jirrispetta l-wirt naturali u dak mibni, jirrispetta s-saħħa fiżika u dik mentali u fl-istess waqt jipprovdi opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Għaldaqstant, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni huma ċ-ċavetta biex isseħħ din il-viżjoni. Ma nistgħux nibqgħu niddependu minn għarfien barrani biex insolvu l-isfidi lokali. Għalhekk irridu niksbu l-għarfien biex negħlbu l-isfidi li qed niffaċċjaw billi nkunu innovattivi u nsibu soluzzjonijiet mfassla għall-bżonnijiet lokali," qal il-Ministru Bonnici.
Huwa qal li l-Gvern diġà ta bidu għall-iffinanzjar ta’ inizjattivi ġodda fir-Riċerka u l-Innovazzjoni filwaqt li qed isaħħaħ dawk eżistenti. “Dan rajnih f’żieda tal-baġits li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ta permezz tal-inizjattiva FUSION u dawk tal-internazzjonalizzazzjoni, kif ukoll il-Fond tal-COVID-19 R&D li ġie maħluq flimkien mal-Malta Enterprise. Permezz tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, fl-2021, il-Ministeru għar-Riċerka, Innovazzjoni u Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara l-Covid-19 se jagħti bidu għall-inizjattivi li għandhom l-għan li joħolqu opportunitajiet għar-riċerki ġodda bħall-Infectious Diseases Fund kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni Maltija fil-Horizon Europe Partnerships. Il-komunità tar-riċerkaturi lokali jistħoqqilha ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni li tgħinha tiżviluppa l-idejat tagħha. Ideat li mhux biss isostnu l-ekonomija, iżda jassiguraw li din tkun imsejsa fuq l-għarfien. Huwa permezz ta’ inizjattivi bħal dawn li se nkunu nistgħu nibnu futur aħjar għall-komunità u għall-maħbubin tagħna, minkejja l-isfidi li għaddejjin minnhom," sostna l-Ministru Bonnici.
Huwa qal li għal dan il-għan il-Ministru se jkun il-vuċi tal-komunità tar-riċerka, li għandha l-kapaċità li bil-ftit tagħmel il-ħafna. Huwa se jkun ukoll ta’ sostenn għar-riċerka għax jemmen li meta użata tajjeb, issarraf f’Malta aħjar. Il-Ministru se jkun qed jaħdem sabiex il-gradwati fid-dottorat ikollhom opportunitajiet ta’ xogħol xierqa f’Malta. Se jaħdem biex is-settur privat japprezza l-valur tal-innovazzjoni u konsegwentament, imma mhux dejjem, jinvesti biex itejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-suq lokali u possibilment f’dak internazzjonali. Minkejja li l-isfidi huma kbar, dan huwa l-mument opportun biex Malta twettaq din il-bidla radikali.
Il-Ministru qed iwiegħed, li flimkien mal-kollegi tiegħu fil-Kabinett, se jaħdem biex jixpruna t-tkabbir ekonomiku, soċjali u l-ħarsien ambjentali ta’ Malta.
留言