Il-Ministri Owen Bonnici u Byron Camilleri, flimkien mal-kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid Dun Marc Andre Camilleri, ħabbru li l-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ u l-għajnuna finanzjarja sabiex isiru t-tiswijiet u r-restawr neċessarju fil-parti ta’ fuq tal-bażilika permezz tal-entitajiet Komunità Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti rispettivament.
Din l-għajnuna, li se tlaħħaq l-€400,000, se tkun mhux biss qed tgħin biex jiġi ppreservat il-wirt imprezzabbli ta’ din il-binja, iżda fuq kollox se jkun hemm l-opportunità li din il-parti tal-bażilika tibda tkun aċċessibbli bħala attrazzjoni turistika hekk kif waħda mill-affarijiet li se jiġu ffinanzjati permezz ta’ dan il-qbil hija wkoll l-installazzjoni ta’ viewing platform.
Waqt ix-xogħol f’dan il-proġett se jkun assigurat li jitħarsu l-liġijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-wirt kulturali. B’rabta mal-kafetterija permanenti proposta fuq il-bejt tal-istess bażilika, kien hemm il-qbil li din tkun rilokata fil-ġenb tal-knisja, f’żona kompletament esterna.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Knisja Parrokkjali ta’ Raħal Ġdid hija unika minħabba l-kobor straordinarju tagħha. Huwa qal li din il-knisja se tingħaqad ma’ kullani ta’ knejjes u kappelli mifruxa madwar pajjiżna li ngħataw għajnuniet sostanzjali mill-Gvern. Dr Bonnici faħħar il-kollaborazzjoni milħuqa bejn l-entitajiet konċernati li permezz tagħha setgħet tingħata din l-għajnuna u jinstabu wkoll is-soluzzjonijiet relattivi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li bħala Gvern għandna l-obbligu li nassistu u ngħinu sabiex wirt storiku bħalma hi l-Bażilika ta’ Kristu Re tinżamm fl-aqwa qagħda possibbli sabiex titgawda kemm min-nies ta’ Raħal Ġdid u tal-madwar, iżda anke minn kull min jagħżel li jżur din il-lokalità.
“Il-Bażilika ta’ Kristu Re hija simbolu importanti ħafna għan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż u ninsab kburi li permezz tal-ħidma tagħna se nkunu qed ngħinu tant lil din il-komunità”, qal Dr Byron Camilleri.
Il-Kappillan Dun Marc Andre Camilleri laqa’ b’mod pożittiv dan l-investiment li qed isir fuq il-Bażilika ta’ Kristu Re.
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Jason Silvio, u r-rappreżentanti taż-żewġ baned tal-parroċċa, Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re u l-Għaqda Mużikali u Soċjali Kristu Sultan.
Comments