top of page

IL-KANZUNETTA “SABIĦA” REBBIEĦA TAT-TIELET EDIZZJONI TA’ MUŻIKA MUŻIKA


Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tnejn 27 ta’ Marzu 2023) paġna numru 20


It-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika ntemmet b’suċċess wara tlett iljieli spettakolari ta’ mużika Maltija. Din is-sena l-festival Mużika Mużika kellu total ta’ madwar 300,000 telespettatur fuq medda ta’ tliet serati u madwar 6,500 ruħ li kienu preżenti fis-sala. Fis-serata tal-finali tas-Sibt 25 ta’ Marzu, tħabbar li l-kanzunetta “Sabiħa” interpretata minn Gianluca Bezzina, fuq mużika ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia, rebħet it-tielet edizzjoni ta’ Mużika Mużika.


Il-kanzunetta “Jekk Mhux Int” interpretata minn Drakard u Lisa Gauci, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar ikklassifikat fit-tieni post u l-kanzunetta “M’hawnx Bħalek”, interpretata minn Jasmine Abela, b’lirika ta’ Philip Vella u b’mużika ta’ Glen Vella, ikklassifikat git-tielet post. Waqt il-festival ġew rikonoxxuti wkoll il-Maestro Ryan Paul Abela għall-Aqwa Arranġament Mużikali u l-kantanta Jasmine Abela għall-Aqwa Interpretazzjoni.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-festival Mużika Mużika jiċċelebra s-sbuħija tal-lingwa Maltija. Huwa qal li, “aħna determinati li nkomplu nibnu fuq dawn il-kisbiet biex nagħtu lill-familji Maltin u Għawdxin legat straordinarju waqt li nsaħħu l-opportunitajiet lill-artisti u lill-kompożituri tagħna”.


Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, Raymond Bugeja qal, “bħal kull sena, il-livell tal-kanzunetti kien wieħed fenominali. L-impenn u l-professjonalità tal-artisti, tal-kompożituri u tal-awturi deher biċ-ċar tul dawn it-tlett ijiem tal-festival. It-talent Malti huwa verament b’saħħtu u għandna tassew biex inkunu kburin.”Għall-aħjar arranġament mużikali rebħet il-kanzunetta “Fuq Pultruna”, għall-aħjar interpretazzjoni rebħet “M’hawnx Bħalek”.


Il-premjijiet monetarji se jiġu ppreżentati f’ċerimonja separata aktar ’il quddiem.



Comments


bottom of page