top of page

Il-Karnival ta’ Malta jirritorna fi Frar li ġej b’avvenimenti tradizzjonali u inizjattivi ġodda




 

Il-Karnival ta’ Malta, iċ-ċelebrazzjoni li ilha sseħħ fi gżirietna għal mijiet ta’ snin, ser terġa tkun iċċelebrata f’festa ta’ briju, kuluri u tradizzjoni bi programm mimli b’attivitajiet għall-familja kollha. Din is-sena, id-dati uffiċjali tal-Karnival ser ikunu mid-9 sat-13 ta’ Frar 2024.

 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem fuq l-importanza tal-karnival fil-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna mhux biss mil-lat storiku u patrimonjali, imma iktar importanti minn hekk, fiż-żminijiet tal-lum, bħala ċelebrazzjoni ħajja u kontemporanja. Huwa qal ukoll li l-Karnival ta’ Malta jservi wkoll ta’ attrazzjoni għat-turisti li jżuruna waqt dan iż-żmien.

 

“Il-Karnival ta’ Malta 2024 ser ikun wieħed sinifikanti hekk kif madwar 23 kumpanija se jieħdu sehem fil-Karnival. Dan in-numru ilu ma jintlaħaq fil-Karnival ta’ Malta mit-tmeninijiet,” saħaq il-Ministru Bonnici waqt li ta ġieh lill-memorja ta’ Pawlu Curmi ‘il-Pampalun’ li hu meqjus minn ħafna bħala l-missier tal-Karnival.  Dan se jkun l-ewwel Karnival li se jittella’ wara mewtu.

 

Din is-sena, il-Karnival ta’ Malta mhux biss ser ikollu l-parati bil-karrijiet b’diversi temi li jżewqu lit-toroq tal-Belt Valletta u l-Furjana, imma wkoll se jinkludi għadd ta’ avvenimenti oħrajn.

 

Ewlenija fost dawn l-avvenimenti hi l-Qarċilla, it-tradizzjoni tat-teatru tat-triq li kienet ipprattikata fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann u li din is-sena se tagħlaq għaxar snin minn meta reġgħet bdiet tittella’. Dan l-avveniment teatrali, bid-direzzjoni u l-produzzjoni ta’ Joseph Galea u l-kitba ta’ Ċikku l-Poplu, se jittella’ fi Triq l-Ordinanza (biswit it-Teatru Rjal), u se jkun bla ħlas.

 

Iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, stqarr “Il-Karnival ta’ Malta għandu legat mill-aktar sinifikanti. B’dak li ser noffru lil pubbliku din is-sena, ser inkomplu nkabbru dan l-avveniment annwali tradizzjonali. Apparti ċ-ċelebrazzjonijiet kbar li ser isiru fil-Belt Valletta u l-Furjana, din is-sena se nerġgħu nestendu l-Karnival fil-lokalità tal-Ħamrun u għall-ewwel darba fiż-Żurrieq. Permezz tal-Karnival qed nagħtu opportunità biex nesponu l-kapaċità u t-talent Malti fuq pjattaforma internazzjonali u nagħtu ġieħ mistħoqq lil dawk li jaħdmu sena wara l-oħra biex il-Karnival ta’ pajjiżna ikun suċċess.”

 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tkellem dwar il-memorja ta’ Pawlu Curmi ‘il-Pampalun’, li kien wieħed min-nies li ta ħajtu lill-Karnival u dejjem spikka għall-karattru ċelebrattiv tiegħu. “Din is-sena, Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv u Heritage Malta, fl-Atriju ta’ Spazju Kreattiv se tkun qed tittella’ wirja f’ġieħ il-Pampalun bl-isem ta’ ‘Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’: Il-Bniedem u l-Leġġenda’, u l-kuratur ta’ din il-wirja se jkun l-istoriku Mario Coleiro.”

 

Is-Sur Agius spjega li l-legat li ħalla Pawlu Curmi hu aspett importanti ferm kemm għall-Karnival u t-tim organizzattiv tal-Karnival ta’ Festivals Malta u qal li ser ikun hemm ukoll dokumentarju mtella’ b’kollaborazzjoni ma’ Popolin li ser ikun qed jixxandar fuq TVM.

 

Tkellem ukoll id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta Jason Busuttil u qal li fuq livell ta’ movimenti u kuluri din is-sena hija rekord għall-kompetizzjonijiet taż-żfin fejn se jkun hemm ’l fuq minn 23 kumpanija b’kostumi u koreografiji mill-aqwa. “Wara nuqqas ta’ 25 sena, ser naraw ukoll il-banda tradizzjonali Maltija, il-banda bil-karru u grupp tal-allegrija flimkien, l-ewwel fil-Ħamrun fl-4 ta’ Frar imbagħad fil-Belt Valletta fl-10, il-11 u t-12 ta’ Frar”, qal is-Sur Busuttil.  Huwa tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ l-inklużjoni u saħaq li l-kumitat organizzattiv ħa ħsieb li din is-sena jkun hemm żifna minn tfal u adulti bi bżonnijiet speċjali.

 

Għal aktar tagħrif dwar il-programm tal-Karnival ta’ Malta 2024, żuru s-sit www.festivals.mt/karnivaljew il-mezzi soċjali tal-Karnival ta’ Malta fuq Facebook jew Instagram.

 


 

 

Kommentare


bottom of page