top of page

Il-kollezzjoni fotografika tat-Times of Malta se tkun aktar aċċessibbli

Il-kollezzjoni fotografika tat-Times of Malta se tkun aktar aċċessibbli permezz ta’ proġett mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta




Il-kollezzjoni fotografika tkopri madwar miljun ritratt li jmorru lura 90 sena


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppresjeda għal attività marbuta ma’ proġett konġunt bejn l-Arkivji Nazzjonali u t-Times of Malta. Permezz ta’ dan il-proġett, it-Times of Malta qed tissieħeb mal-Arkivji Nazzjonali biex l-arkivju fotografiku tagħhom ta’ madwar miljun ritratt, li jkopru 90 sena ta’ ħidma ġurnalistika, ikun ippreservat u jsir aċċessibbli.

Il-kollezzjoni fotografika, li tinkludi kemm ritratti u kemm negattivi, ġiet mgħoddija lill-Arkivji Nazzjonali li issa qed jippreservaw, jiddiġitalizzaw u jikkatalogaw din il-kollezzjoni li tiġbor fiha madwar miljun ritratt.

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lit-Times of Malta għall-kontribut ġurnalistiku tagħhom u talli bis-saħħa ta’ dan il-proġett dawn ir-ritratti se jieħdu ħajja ġdida. Huwa rringrazzja wkoll lill-Arkivji Nazzjonali għall-ħidma tagħhom.

“Dan il-proġett huwa mod ideali kif niċċelebraw il-Jum Dinji tal-UNESCO għall-Wirt Awdjoviżiv. Issa dawn ir-ritratti, li jkopru kważi kull aspett tal-ħajja Maltija, ser ikunu miġbura flimkien ma’ dokumenti uffiċjali tal-Gvern u dokumenti tal-amministrazzjoni tal-pajjiż. Dan ser jikkontribwixxi biex l-Arkivji Nazzjonali jirriflettu aktar l-aspetti kollha ta’ pajjiżna,” temm jgħid Dr Bonnici.

L-Arkivista Nazzjonali Dr Charles Farrugia spjega kif il-preservazzjoni hija biss parti waħda minn dan il-proġett konġunt. “L-aspett l-ieħor, importanti daqsu, huwa li dawn ir-ritratti ser ikunu aċċessibbli għar-riċerka u użi arkivistiċi oħra,” qal Dr Farrugia.

L-Online Editor ta’ Times of Malta, Bertrand Borg, qal “Kuntenti li qed nissieħbu mal-Arkivji Nazzjonali biex nagħtu ħajja ġdida lill-arkivju għani tagħna ta’ ritratti. Ġurnata wara l-oħra, għal dawn l-aħħar 90 sena, il-ġurnalisti u l-fotografi tagħna ilhom jiddokumentaw il-ħajja Maltija. Ħafna mir-ritratti li ġibdu ntilfu fil-ħruq ta’ Strickland House fl-1979, iżda numru sinifikanti ġew salvati. Ir-ritratti issa se jkunu parti mill-kollezzjoni tal-Arkivju Nazzjonali, filwaqt li se nirċievu wkoll kopji diġitali b’riżoluzzjoni għolja li nkunu nistgħu nużaw. Għaldaqstant, minn dan il-proġett se jibbenefikaw il-partijiet kollha.”












Comments


bottom of page