Il-kunċert popolari Opera in the Capital se jirritorna fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Awwissu, fid-9pm. It-tenuri Alan Sciberras, Cliff Zammit Stevens u s-sopran Nadia Vella huma s-solisti għal dan l-avveniment u ser ikunu akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra taħt id-direzzjoni mużikali tal-Maestro Michael Laus.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici stqarr li Opera in the Capital jiċċelebra kemm l-arti tal-mużika kif ukoll il-wirt kulturali uniku tal-Belt Valletta. “Dan l-avveniment se joffri lejla mill-isbaħ ta’ siltiet operistiċi, fl-isfond tal-arkitettura storika tal-Belt Valletta,” tenna l-Ministru Bonnici.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li “L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Opera in the Capital tara lis-sopran Nadia Vella tingħaqad mat-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens f’avveniment ieħor ta’ kwalità għolja mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Wara s-suċċess tal-Valletta Pageant of the Seas f’Ġunju, qed nippreżentaw avveniment ieħor fil-miftuħ mill-aqwa filwaqt li niċċelebraw is-sbuħija tal-belt kapitali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet, “Opera in the Capital mhux biss kunċert; huwa esperjenza mfassla biex tilħaq kemm lid-dilettanti tal-opra kif ukoll oħrajn li mhumiex daqshekk midħla fil-qasam, filwaqt li tiċċelebra l-lingwa universali tal-mużika fil-qalba tal-Belt Valletta.”
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn showshappening.com. Għal aktar informazzjoni żur is-sit vca.gov.mt u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.
Comments