top of page

Il-Malta ta’ għada

Owen Bonnici ( Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali )



Malta m’hijiex pajjiż statiku, li ma jinbidilx. Għax Malta hi magħmula min-nies, pajjiżna jinbidel u jevolvi.


Bħalma pajjiżna minn ġens kiber u sar nazzjon, nemmen li għandna kull potenzjal biex dan il-pajjiż ikompli jikber u jsir verżjoni aqwa u aħjar ta’ dak li hu illum.


Fil-fehma tiegħi, biex pajjiżna jkompli jirnexxi bis-serjeta’ u jkompli jsir l-art ta’ l-opportunitajiet il-fattur wieħed kbir u kruċjali għandu jżomm bħala pedament hu dan: it-talent.


It-talent ma jinbitx fuq is-siġar. It-talent hu dak li kapaċi jbiddel il-perkors tal-affarijiet, li jdawwar xi ħaġa mitbiela f’xi ħaġa li toħloq enerġija u tagħti kulur, li ma jieqaf qatt ikisser il-ħitan b’impenn u bżulija bl-għan li jintlaħaq għan b’saħħtu.


It-talent m’huwiex biss il-prodott ta’ dak li l-Perit Dom Mintoff kien isejjaħ bħala l-miraklu tax-xogħol. Huwa iktar minn hekk. Huwa ċ-ċavetta ta’ iktar ħolqien ta’ ġid, ta’ soluzzjonijiet ġodda li jtejbu l-ħajja tan-nies u l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies u ta’ kreattivita’ li twassal biex nkomplu noħolqu u nattiraw ġenerazzjonijiet wara ġenerazzjonijiet ta’ nies li huma għatxana li jbiddlu u jtejbu.


Biex dan isir fil-fehma tiegħi rridu nkomplu nimbuttaw kemm nifilħu fuq tliet binarji.


L-ewwel binarju hu s-settur edukattiv. Hu kruċjali li dan is-settur ikompli jimxi ‘l quddiem għax hu l-bażi tal-ħolqien tat-talent. L-edukaturi tagħna jridu jkunu fiċ-ċentru tas-suċċess ta’ Malta t’għada għaliex hu bis-saħħa tal-edukazzjoni li nrawmu talent bis-serjeta’.


Hemm diskussjoni twila ħafna dwar kif nistgħu naraw li iktar studenti jirnexxu fis-sistema edukattiva, li dak li toffri s-sistema jkun dejjem u dejjem iktar relevanti għall-istudent u għad-dinja li għad trid tiġi u li t-tagħlim jibqa’ għaddej matul il-perkors tal-ħajja kollha ta’ dak li jkun.


It-tieni binarju hu li nattiraw kemm nifilħu talent minn barra minn Malta f’pajjiżna biex ikompli jissaħħaħ il-critical mass ta’ talent f’dawn il-gżejjer. Li tattira t-talent minn barra hu kruċjali, mhux għaliex il-Malti għandu xi ħaġa inqas jew iktar minn ħaddieħor imma għaliex it-talent iġib it-talent u dan kollu jġib il-ġid, ġid sostenibbli u soluzzjonijiet li jtejbu l-ħajja u l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dak li jkun.


Il-ġid li rajt jinħoloq minn sinerġiji li jżewġu t-talent Malti ma’ dak barrani hu xi ħaġa straordinarja. Rajt b’għajnejja, perezempju, r-riżultati li jinkisbu fis-settur mediku u xjentifiku: jitfasslu kuri għall-mard, jinħolqu metodi ġodda ta’ kif isiru affarijiet aħjar u b’iktar preċiżjoni u jinħolqu niċeċ ġodda bis-saħħa ta’ prodotti innovattivi u disruptive.


Fl-istess waqt il-Malti jiddakkar mill-prattiċi ta’ ħaddieħor u jkompli jista’ jkun frisk, aġġornat u future proof.


It-tielet binarju hu li nimbuttaw ‘il quddiem il-kreattivita’ bħala parti intima mill-ħajja tagħna, bħala way of life ta’ poplu sħiħ. Leonardo da Vinci kien pinġa dak id-disinn famuż – il-Vetruvian Man – li jżewweġ l-arti max-xjenza bħalma hu wara kollox kien iżewweġ dawn iż-żewġ branki tat-tagħlim li għandhom il-kreattivita’ bħala pedament.


Iktar nies għandhom jaċċedu lejn il-kultura. Irridu napprezzaw iktar is-sabiħ, dak li jagħti valur miżjud, dak li jmelles is-sensi u jsaħħaħ l-intellett. Irridu nħobbu iktar il-ktieb, it-teatru, l-arti, il-pittura, il-mużika, iż-żfin. Irridu li dan il-poplu jsir iktar struwit, isir iktar progressiv fil-ħsibijiet tiegħu billi nesponuh sa minn eta’ ċkejkna għall-arti u l-kultura.


Hawn min iħares lejn dan kollu mil-lenti ta’ dritt tal-pubbliku li jersaq lejn il-kultura. Dan l-argument hu tajjeb u tajjeb ħafna. Imma jien inħares lejn il-kultura bħala dik il-magna li twelled u toħloq iktar kreattivita’ fil-qlub u l-imħuħ tan-nies. Mhux ta’ b’xejn l-iktar ġnus li baqgħu jissemmew fl-istorja tal-bniedem huma dawk li ddistingwew irwieħhom fl-arti għax huwa kejl b’saħħtu li juża l-kreattivita’ bħala currency ewlenija ta’ titjib u avvanz.



Ġid b’għan


Għala irridu nitfgħu t-talent bħala l-bażi tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta t’għada? Għax dan it-tip ta’ tkabbir ekonomiku hu sostenibbli, hu nadif, hu tajjeb, jirrispetta l-ambjent u jibni mhux fuq l-użu tar-riżorsi materjali (jew għallinqas mhux biss) imma fuq l-użu tal-intellett u l-ħolqien ta’ ideat ġodda. U x’inhu l-għan li noħolqu l-ġid? Li dan il-ġid jitqassam b’ġustizzja. U hawn fejn jidħlu l-kredenzjali ta’ Gvernijiet li jkollhom għal qalbhom il-prinċipji soċjal demokratiċi ta’ ġustizzja soċjali biex il-ġid jitqassam, biex jinħolqu avvanzi u mobbilita’ soċjali u biex kulħadd ikollu l-aqwa opportunita’ li jirnexxi u jimxi ‘l quddiem.



San Girgor


Naf li din hi ħaġa relattivament żgħira komparata mal-ħafna affarijiet importanti li qed intellgħu u norganizzaw fis-settur kulturali imma rrid nfaħħar lil kull min ħadem biex se jerġa’ jibda jittella’ programm kulturali għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor. Wara nuqqas ta’ tliet snin, se jerġa’ jittella’ programm kulturali għal din il-festa tradizzjonali hekk kif id-Direttorat tal-Kultura ngħata l-inkarigu li jibda jieħu ħsieb dawn l-avveniment b’seħħ minn din is-sena.


Fil-programm li ġie mniedi f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fiż-Żejtun, ingħatat emfasi kbira dwar l-aspett tradizzjonali ta’ din il-festa antika li hi maħsuba li bdiet tiġi ċċelebrata fl-1543. Kulturalment, din il-festa tradizzjonali, hija magħrufa għar-rabta li għandha mal-ewwel għawma li ssir fl-ewwel Erbgħa wara l-Għid il-Kbir.


Bħala poplu, kif kulħadd jaf, niċċelebraw San Patrizju u sew isir. Nogħxa nara n-nies jieħdu gost u jieħdu pjaċir flimkien. Biss din hi festa estera li mportajnieha hawn Malta. Għalhekk bħalma nagħmlu sew niċċelebraw festi barranin li ġew inkorporati Malta tajjeb ukoll li niċċelebraw u nħarsu festi purament Maltin li tgħaddew minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.


Hu essenzjali li bħala Gvern isir ix-xogħol meħtieġ sabiex festi tradizzjonali bħalma hi San Girgor jibqgħu jimxu ’l quddiem u jitgħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra. Fit-tfassil tal-programm tal-attivitajiet marbuta ma’ din il-festa tradizzjonali, id-Direttorat tal-Kultura ħadem id f’id mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u Marsaxlokk u matul l-avvenimenti se ssir emfasi dwar l-aspett tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna.


B’dan il-mod se nkunu qed norbtu dan l-aspett tradizzjonali Malti ma’ qawmien ta’ kuxjenza ma’ aspetti tal-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna, bħall-ftira tradizzjonali Maltija u l-Għana, li ġew rikonoxxuti fil-lista rapprezentattiva tal-UNESCO.


Intant, id-Direttorat tal-Kultura, bħala parti minn proċess ta’ ristrutturar intern, wettaq ukoll rebranding. Il-logo l-ġdid tad-Direttorat ġie ukoll varat matul il-konferenza stampa u dan ġie ispirat mid-disinn tal-maduma tradizzjonali Maltija. Il-proċess ta’ ristrutturar tad-Direttorat tal-Kultura se jwassal biex id-Direttorat isaħħaħ l-identità u l-operat tiegħu.


Il-kuluri li jifformaw l-iskema ta’ kuluri tal-branding huwa meħud mill-kuluri ta’ tlugħ ix-xemx fuq il-Port il-Kbir, fejn it-tlugħ ix-xemx huwa simboliku ta’ jum ġdid u għalhekk il-ħarsa lejn il-ġejjieni, kif ukoll il-port li jiftaħ fuq il-baħar, simbolu tal-konnettività mal-bqija tad-dinja.


Grazzi minn qalbi tal-ħidma tant tajba li twettqu.



Comments


bottom of page