top of page

Il-Ministru Bonnici f’diskussjoni dwar ftuħ mill-ġdid għall-istituzzjonijiet edukattivi



“Malta stabbilixxiet qafas għat-tħejjija tal-eventwali ftuħ mill-ġdid għall-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ. Dan il-qafas, li jsegwi l-mudell kif propost min-Nazzjonijiet Magħquda, qed jiġi diskuss mal-istakeholders ewlenin fil-livelli kollha, minn dawk ta’ etajiet bikrin sa livelli terzjarji. Id-diskussjoni tinkludi wkoll id-diversi unions u assoċjazzjonijiet. Il-qafas jikkunsidra ħames aspetti ewlenin: saħħa u sigurtà, informazzjoni, żvilupp u taħriġ, il-bżonn ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u aċċess universali għaliha u l-finanzjament meħtieġ”.

Hu u jitkellem waqt diskussjoni dwar l-eventwali ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ mal-bqija tal-ministri tal-edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dan il-qafas u tal-koperazzjoni b’saħħitha mal-awtoritajiet tas-saħħa, il-gvern hu kunfidenti li bħala pajjiż għal darba oħra se nieħdu l-aqwa deċiżjonijiet fl-aħjar mod għall-ġid tal-istudenti tagħna.

Il-Ministru Bonnici spjega li pajjiżna kien proattiv mill-bidu nett hekk kif tfaċċat il-pandemija tal-COVID-19. Deċiżjonijiet relatati mal-għeluq tal-istituzzjonijiet kollha edukattivi u ta’ taħriġ minn etajiet bikrin sal-livell terzjarju ttieħdu fil-bidu ta’ Marzu bla dewmien u b’mod effettiv. Il-Ministeru, imbagħad, ikkordina mal-istakeholders kollha t-triq ’il quddiem dwar l-eżamijiet u l-assessjar u dwar kif l-istudenti se jitilgħu minn sena għal oħra. Ġie stabbilit li għandu jsir tagħlim online fil-livelli kollha.

Sadanittant, spjega l-ministru, ittieħdu numru ta’ inizjattivi oħra, inkluż it-twaqqif ta’ working group magħmul mill-istakeholders ewlenin li ra l-ħidma li kienet qed issir għall-edukazzjoni online u l-impatt fuq il-kurrikulu. Saret ħidma biex jingħata internet b’xejn, tablets jew kompjuters u lunches lil tfal vulnerabbli. Twaqqaf ukoll helpline sabiex jgħin dwar kwistjonijiet marbuta mas-settur edukattiv, inkluż sapport psiko-soċjali.

Il-Ministru Bonnici qal li l-eżamijiet tas-SEC mhumiex se jsiru u minflok se jsir assessjar predittiv min-naħa tal-MATSEC. Se jingħata ċertifikat lil min jgħaddi minn dan l-assessjar, biex b’hekk dawn l-istudenti jkunu jistgħu jissoktaw bl-edukazzjoni tagħhom fil-livell post-sekondarju. Kull student, però, se jżomm id-dritt li joqgħod għall-eżamijiet tas-SEC f’Settembru. Fejn jidħlu l-eżamijiet intermedji u tal-MATSEC dawn ġew posposti għal Settembru, b’possibbilità ta’ resit f’Diċembru sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu għall-edukazzjoni terzjarja tagħhom mingħajr ma jiġu penalizzati dawk l-istudenti li joqogħdu għar-resits.

Ir-rekwiżiti għad-dħul fil-Junior College u fl-Università ta' Malta ġew aġġustati biex jilqgħu għall-konsegwenzi taċ-ċirkustanzi kurrenti u dawk li taħthom l-istudenti se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tagħhom tas-Sec u tal-Matsec f’Settembru 2020. Għalhekk, fil-maġġoranza tal-każijiet, ir-rekwiżiti tad-dħul se jkunu inqas minn dawk meħtieġa, qal Dr Bonnici.

Il-Ministru Bonnici rrefera għat-think tank dwar l-edukazzjoni post-COVID-19 u lil hinn li twaqqaf bil-għan prinċipali li jsiru riflessjonijiet bil-għan li ndawru l-isfidi tal-futur f’opportunitajiet tal-preżent.

Saret ukoll referenza għal kwistjonijiet marbuta mal-koperazzjoni trans-nazzjonali u l-mobbilità fit-tagħlim. Il-Ministru Bonnici spjega li rridu nkunu sensittivi fir-rigward tal-effettivi negattivi tal-COVID-19 dwar dawn il-programmi ta’ koperazzjoni u enfasizza l-ġid li jista’ joħroġ mill-użu ta’ possibilitajiet virtwali.



Comments


bottom of page