top of page

Il-Ministru Bonnici f’laqgħa ma’ grupp ta’ studenti tal-arkitettura Palestinjani




Fiż-Żejtun, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ ma’ ħmistax-il student mill-Università ta’ Birzeit fil-Palestina li jinsabu Malta bħala parti minn inizjattiva tal-Kamra tal-Periti b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Arkitetti tal-Palestina, fejn qed jiġi organizzat workshop immirat lejn it-tisħiħ ta’ kollaborazzjoni kulturali u innovazzjoni arkitettonika bejn pajjiżi tal-Mediterran.


Waqt dan il-workshop, l-istudenti Palestinjani qed jaqsmu l-ideat u l-għarfien tagħhom mal-komunità lokali fuq disinn teoretiku mill-ġdid ta’ Misraħ Santa Marija fiż-Żejtun. Din il-kollaborazzjoni hija frott ukoll il-ġemellaġġ li hemm bejn iż-Żejtun u Birzeit.


Il-Ministru Bonnici saħaq, “Din l-inizjattiva hija eżempju mill-aqwa ta’ kif l-arkitettura tista’ sservi bħala mezz ta’ kollaborazzjoni u għarfien bejn il-kulturi. L-istudenti Palestinjani qed jagħmlu xogħol impekkabbli flimkien mal-komunità lokali, u dan mhux biss se jgħinhom fit-tagħlim tagħhom imma wkoll fil-bini ta’ relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-popli tagħna.”


Waqt iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici kien akkumpanjat mill-President tal-Kamra tal-Periti, Perit Andre Pizzuto, is-Segretarju Internazzjonali u għall-Komunikazzjoni tal-Kamra tal-Periti, Perit Joeaby Vassallo, membri tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun, l-Ambaxxatur tal-Palestina għal Malta Fadi Hanania u rappreżentanti mill-Ambaxxata tal-Palestina.



Comentários


bottom of page