top of page

Il-Ministru Bonnici jqassam il-Malta Horizon 2020 Malta Awards



Il-Ministru Owen Bonnici qassam il-Horizon 2020 Malta Awards lil diversi persuni li pparteċipaw b’suċċess fi proġetti ta’ riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan il-programm preċedenti ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li għadu kemm ingħalaq.

Akkumpanjat miċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando, Dr Bonnici qassam premjijiet skont id-diversi kategoriji: għall-iktar SME innovattiv, għall-iktar impatt fuq is-saħħa, sigurtà jew smart mobility, għall-iktar proġett li ħalla impatt fil-qasam tax-xjenzi tal-baħar, għall-iktar proġett ambjentali, għall-aħjar promozzjoni tas-suġġetti STEM, għall-aqwa premju innovattiv u għall-iktar riċerkatur attiv.

Ir-rebbieħa huma BrianTrip għall-proġett The EEG Dementia Index, AcrossLimits għall-proġett Bio2Excel, Naval Architecture Services għall-proġett Venture, Epsilon Malta għall-proġett SIM4Nexus, mill-ġdid Acrosslimits għall-proġett ERA4STEM, AcquaBioTech Limited għall-proġett iFishIENCi u Georgios N Yannakakis għall-kontribuzzjoni ta’ riċerka attiva tiegħu fi ħdan il-programm.

Ilbieraħ tnieda f’pajjiżna l-programm il-ġdid ta’ fondi Ewropej għar-riċerka u innovazzjoni għas-seba’ snin li ġejjin, Horizon Europe, li qed ipoġġi għad-dispożizzjoni tar-riċerkaturi Ewropej is-somma ta’ €95.5 biljun fl-ikbar programm ta’ fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni li qatt ingħata fl-istorja tal-Unjoni Ewropea u li hemm preżentament fid-dinja.




コメント


bottom of page