top of page

Il-Ministru Bonnici jżur ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ Ċejlu fil-Marsa



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella tal-Madonna tal-Grazzja (ta’ Ċejlu) fil-Marsa.

Din il-kappella hija waħda mill-għaxar proġetti mill-iskema tal-Kunsilli Lokali 2020/21, li tkopri restawr ta’ statwi, niċeċ, monumenti, kappelli u strutturi storiċi partikolari u li jinsabu fid-diversi rħula u komunitajiet, maħruġa mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.


Ix-xogħol f’din il-kappella beda f’Novembru 2022 u huwa ppjanat li jitlesta sa nofs Lulju 2023. Ix-xogħol kollu, mill-bidu tad-dokumentazzjoni, l-applikazzjoni għall-permessi kif ukoll ix-xogħol fuq il-kappella stess sar kollu mid-Direttorat tar-Restawr.


Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tal-restawr ta’ knejjes storiċi, mhux biss biex inkomplu nkabbru l-valur kulturali u storiċi tagħhom, iżda wkoll biex jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri.


“Kommessi li nibqgħu nieħdu ħsieb u nagħtu l-għajnuna meħtieġa filwaqt li nkomplu ngħinu biex dawn il-postijiet jibqgħu ta’ importanza għall-istorja ta’ pajjiżna”, żied jgħid il-Ministru Bonnici, filwaqt li esprima apprezzament lejn il-Kunsill Lokali tal-Marsa għall-ħidma proattiva.


Is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi qal li, “Il-wirt storiku tal-Marsa huwa għall-qalb il-kunsill lokali u bħala kunsill applikajna għall-iskema ta’ restawr biex insalvaw din il-knisja storika li tmur lura għall-1870, jiġifieri qabel l-ewwel parroċċa fil-Marsa. Minkejja li hija knisja żgħira, hija waħda fuq stil Barokk u fil-qalba tal-iżvilupp li kien qed isir dak iż-żmien ta’ Porto Novu jew Port il-Ġdid.”


Qal ukoll li, “Napprezzaw il-ħidma tal-ministeru u tad-direttorat biex wara li tlestiet il-faċċata tal-Knisja ta’ Marija Reġina, issa beda għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-Knisja ta’ Ċejlu u nħarsu ’l quddiem biex ma ndumux ma naraw il-bidu tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja tat-Trinità.”


Il-perit inkarigata mix-xogħlijiet Audrey Anne Bonnici spjegat ix-xogħol li sar fit-tindif tal-faċċata u tal-kampnari mill-ħmieġ u l-qoxra sewdiena li akkumulaw maż-żmien. Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm membri tal-Kunsill Lokali tal-Marsa u s-segretarju eżekuttiv.



Comments


bottom of page